Lokali

“Caruana talab 3% commission u container madum tal-għażla tiegħu,” – Jixhed Philip Rizzo

“Irċevejt tliet emails mill-Ministru fl-ewwel tliet ijiem meta bdejt ix-xogħol sabiex lill-imputat nittrattah b’mod strett imma fair“. Xehed dan Philip Rizzo, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada waqt il-kumpilazzjoni fil-każ kontra Edward Caruana, il-kanvasser tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li jinsab akkużat fost oħrajn b’tixħim ta’ eluf ta’ ewro f’kuntratti ta’ bini u manutenzjoni fl-iskejjel tal-Istat.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Philip Rizzo qal li hu daħal fil-kariga fit-13 ta’ April 2016. Fl-ewwel jum tax-xogħol tiegħu, irċieva messaġġ mingħand il-Ministru Bartolo biex hu iżomm għajnejh fuq l-operat ta’ Caruana u li “se jgħidulu dwar ċekkijiet li jqassamhom Għawdex”.

L-Għada, Rizzo rċieva messaġġ ieħor mingħand il-Ministru Bartolo fejn staqsieh “how are you dealing with Dwardu?” u fit-tielet jum, jirċievi it-tielet messaġġ mingħand il-Ministru li kien jgħid: “x’qed jagħmel Dwardu?”

Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni x’jaħseb dwar dawn id-domandi, Philip Rizzo wieġeb li l-Ministru deher inkwetat dwar l-operat ta’ Edward Caruana. Madanakollu l-Ministru ma semma ebda allegazzjoni ta’ tixħim u hu sar jaf dwarha mill-media meta l-gazzetta Sunday Times kienet żvelat l-istorja fis-17 ta’ April 2016.

Philip Rizzo xehed li fit-22 ta’ April, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-FTS Tony Muscat, li kien jagħmel ix-xogħol tiegħu sakemm hu sar Kap Eżekuttiv, kien bgħatlu memorandum li fih saru allegazzjonijiet ta’ talbiet għal ħlas li kienu frawdolenti.

“Dawn il-claims, sebgħa b’kollox, kienu jammontaw għal €25,000 u kienu dwar xogħolijiet f’toilets fi skola f’Għawdex li saru bejn Awwissu u Settembru tal-2015. Jien staqsejt kif dawn ġew ippreżentati għall-awtorizzazzjoni tiegħi fl-ewwel ġimgħa tax-xogħol tiegħi meta dawn huma dwar xogħolijiet li saru madwar disa’ xhur qabel? Tony Muscat weġibni li dawn tahomlu Edward Caruana fil-ġurnata ta’ qabel, li hu ma kienx ikkonsultat qabel u ma setax jawtorizza” xehed Rizzo fejn kompla li ma nstabux purchase orders għall-ħlasijiet tax-xogħolijiet mitluba. Dawn ix-xogħolijiet kienu ċertifikati minn ċertu Cornelia Tabone, perit min-Nadur Għawdex.

“L-invoices kienu jidhru suspettużi; tlieta minnhom lanqas biss kienu iffirmati u mill-oħrajn li kienu iffirmati, kien deher ċar f’każ minnhom li l-firma tal-kuntrattur kienet falsifikata. Anki l-karti kienu ġodda fjamanti meta suppost dawn kien ilhom 9 xhur,” qal Rizzo.

Is-Segretarju Permanenti jieħdu bil-herra

Meta mistoqsi mill-Ispettur Rennie Stivala, Philip Rizzo qal li “ġejt f’sitwazzjoni fejn qet nintalab nawtorizza pagamenti ta’ xogħol li ma sarx fi żmieni u dwarhom diġa’ kien hemm suspett.” Kompla li minħabba li l-invoices kollha kienu jaqbżu l-€2,500 – il-massimu li jista’ jawtorizza personalment skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku – hu bagħat memorandum lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Joseph Caruana sabiex jingħata direzzjoni minnu.

Rizzo qal li fil-pront jirċievi telefonata mingħand is-Segretarju Permanenti, li jiġi ħu Edward Caruana fejn ħadu bil-herra u qallu “X’int taħseb li qed tagħmel? Taħseb li ma nafx x’inhuma dawn? (l-invoices).”

Fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti, Rizzo kien ħareġ ordni immedjata biex ma jsirux iktar ħlasijiet biċ-ċekkijiet u li l-pagamenti isiru kollha direttament minn bank għal bank. Barraminhekk, ta struzzjonijiet lid-Dipartiment tal-Finanzi biex dawn il-flejjes ma jitħallsux.

Kompla li minn stħarriġ li għamel kien irriżulta li fuq perjodu ta’ tliet snin u nofs, kien hemm ammonti sostanzjali ta’ ċekkijiet mgħoddija mid-Dipartiment tal-Finanzi lil Edward Caruana . Minn €8.2 miljun ta’ ċekkijiet, €5.5 miljun kienu lil 16-il fornitur biss. “Il-pagamenti lil tnax minn dawn is-sittax-il fornitur għandhom varjanzi ta’ iktar minn 25%. Dawn iċ-ċekkijiet kienu kollha mqassma bl-idejn jew mitluba minn Edward Caruana”.

“Bdew iħarsu lejn xulxin u qaluli: ‘m’għandniex ammonti x’nieħdu mingħand l-FTS'”

Philip Rizzo kompla li matul is-Sajf tal-2016, hu kien qed ikollu “pressjoni interna” biex iħallas dawk is-seba’ claims. Għaldaqstant, f’Mejju, hu laqqa’ lis-seba’ kuntratturi li allegatament qed jitolbu pagament. Meta poġġa l-invoices quddiemhom u staqsiehom kif ħadd minnhom ma fetaħ proċeduri legali biex jiġbor flusu “dawn bdew iħarsu lejn xulxin u qaluli: ‘m’għandniex ammonit x’nieħdu mingħand l-FTS'”.

Hu xehed li madwar xahar wara, jiġifieri f’Ġunju tal-2016, kien iltaqa’ ma’ Joe Carabott, wieħed mis-seba’ kuntratturi u li kien assenti fil-laqgħa ta’ Mejju. Meta Rizzo staqsieh kif qatt ma’ bagħat xejn biex jiġbor il-pagament dovut fuq ix-xogħol li għamel Għawdex, Carabott kien wieġbu li “qatt ma ħadem Għawdex” u li l-firma fuq l-invoice, mhux il-firma tiegħu.

Philip Rizzo ikkonferma li Edward Caruana kien jieħu ħsieb ix-xogħol kollu tal-FTS f’Għawdex.

Ix-xhud kompla li lejn l-aħħar ta’ Awwissu il-Kap tal-Operazzjonijiet Anthony Muscat kien qallu li l-kuntrattur Carabott kien ilmenta miegħu li l-imputat kien qed iċempillu kuljum biex ma jispiċċax ix-xogħolijiet li kien qed jagħmel fl-iskola ta’ Ħad-Dingli fil-ħin sabiex “il-Fondazzjoni tidher kerha”.

“Talbu commission fuq 3% tal-valur tax-xogħol u container ta’ 40 pied mimli madum magħżul minn Edward”

L-għada ta’ dan ir-rapport, jiġifieri fit-30 ta’ Awwissu, Philip Rizzo mar fl-iskola ta’ Ħad-Dingli fejn iltaqa’ ma’ Joe Carabott. Meta staqsieh x’kien għaddej, dan wieġbu “mela mhux qed jgħidulek”. Kien dak il-ħin li l-kuntrattur beda jibki u qal li ma jistax iħallas lil Caruana u tenna li kien qed imur minn taħt f’dan il-kuntratt.

Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni, Philip Rizzo qal li “Hu (Edward Caruana) kien qed jippressah fuq 3% tal-valur tax-xogħol u biex ifornieh b’container ta’ 40 pied mimli madum tal-għażla tiegħu.”

Malli sema li kien qed jitlob madum mingħand kuntratturi, Rizzo talab lill-perit tal-Fondazzjoni biex jagħmel riċerki fl-Awtorita’ tal-Ippjanar u fil-fatt, is-suspetti tiegħu kienu kkonfermati hekk kif instab li Caruana qed jiżviluppa blokka appartamenti fir-Rabat.

Ix-xhud qal li immedjatament informa lill-Ministru Evarist Bartolo, li min-naħa tiegħu qallu li kien se jibgħat għal Joe Carabott.  Philip Rizzo kompla li jumejn wara, hu rċieva email mingħand il-Ministru Bartolo fejn qallu li Carabott ċaħad kollox ħlief għall-pressjoni ta’ Caruana biex idewwem ix-xogħol.

Madanakollu, fl-1 ta’ Settembru il-Ministru ta struzzjonijiet biex Edward Caruana ma jibqax fl-FTS iżda jiġi trasferit lura lejn l-impjieg oriġinali tiegħu fl-IPSL.

Iżda meta ġie biex jinforma lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan it-trasferiment, is-Segretarju Permanenti biddel id-deċiżjoni meħuda mill-Ministru u ordna li ħuh jiġi trasferit f’Ministeru ieħor bl-istess salarju ta’ €50,000 fis-sena.

Fit-22 ta’ Settembru 2016, Philip Rizzo talab u ngħata l-permess tal-bord tal-FTS biex imur għand il-pulizija bid-dokumentazzjoni kollha li għandu sabiex tibda tipproċedi kontra Edward Caruana.

Philip Rizzo kien eventwalment irriżenja mill-kariga fl-1 ta’ Diċembru 2016. Mistoqsi dwar dan, hu qal li ma setax jibqa’ jaħdem meta struzzjonijiet li kien ta dwar ħinijiet tax-xogħol, sabiex ikun hemm iktar sigurta’ ta’ dokumenti, kienu revokati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-Ispettur Rennie Stivala qed imexxi l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Edward Caruana.