Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ma jemminx li għandha tinġarr responsabiltà politika fil-każ dwar uffiċjal fis-segretarjat tiegħu li talab tixħim minn nies li riedu japplikaw għal housing soċjali.
Żvelat dan The Malta Independent wara li ppruvat titkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing Roderick Galdes. Galdes qal li sar jaf b’din is-sitwazzjoni il-Ħamis li għadda. Hu sostna li la darba l-pulizija qed tinvestiga l-uffiċjal tas-segretarjat tiegħu għandu jwieġeb hu għal dawn l-allegazzjonijiet.
L-uffiċjal involut f’din il-kwistjoni hu Charles Spiteri, li wara l-elezzjoni li għaddiet intbagħat mill-uffiċju tal-Prim Ministru biex jaħdem fis-segretarjat ta’ Roderick Galdes. Issa qed ikun allegat li hu kien qed jitlob tixħim f’każijiet fejn nies kienu qed imorru jitolbu għal Housing Soċjali.
The Malta Independent qalet li Spiteri kien jitlob bejn 400 ewro u 600 ewro għal kull każ.
L-uffiċjal pubbliku li nqabad jitlob tixħim migħand min qed ifittex akkomodazzjoni soċjali, huwa għalkollox atroċi u kundannabbli. Saħaq dan il-kelliem għall-Faqar u l-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo.
Bartolo qal li issa huwa ċar li l-korruzzjoni mhux biss hija immorali iżda hija wkoll taxxa fuq il-fqir u fuq min l-aktar għandu bżonn. L-aġir korrott tal-persuna ta’ fiduċja ta’ Joseph Muscat u Roderick Galdes jifqa’ il-bużżieqa li dan huwa gvern ta’ kuxjenza soċjali.
Din il-persuna ta’ fiduċja pprova jisfrutta għall-gwadann tiegħu sitwazzjoni ta’ faqar u problema ta’ nuqqas ta’ units ta’ akkomadazzjoni soċjali li ħoloq Gvern Laburista stess.Quddiem dan kollu il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qed jibqa’ għalkollx sieket filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qed jiċħad ir-responsabbiltà politika dwar dan il-każ.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jibqa’ sieket quddiem dawn l-inġustizzji, temm jgħid Ivan Bartolo.
//= $special ?>