Lokali

‘Iċ-Ċiniż’ kien miftiehem biex imur jistad nhar id-delitt iżda ma tfaċċax

George Degiorgio, wieħed mit-tliet imputati dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien miftiehem biex imur jistad ma’ ħabib tiegħu dakinhar tad-delitt iżda dan ma’ tfaċċax.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Miguel Caruana, li miegħu kien miftiehem Degiorgio, meta ilbieraħ kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ kontra George Degiorgio, ta’ 55 sena magħruf bħala “iċ-Ċiniż”, ħuh Alfred Degiorgio ta’ 53 sena magħruf bħala “il-Fulu” u Vincent Muscat ta’ 55 sena magħruf bħala il-Koħħu. It-tliet irġiel jinsabu akkużati fost oħrajn bil-qtil u konfoffa fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ fis-16 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.

Għal darb’oħra, it-tliet imputat twasslu l-Qorti taħt sigurta’ kbira u spikkat il-preżenza qawwija tal-Pulizija kemm ġewwa kif ukoll barra l-Awla.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace, Caruana, qal li dakinhar tad-delitt, hu kien suppost sejjer jistad ma’ George Degiorgio iżda dakinhar kien ċempillu u qallu li għandu bżonn “top-up” għall-linja tat-telefon ċellulari.

Caruana xehed li hu xtara “top-up card”, baraxha biex jikxef in-numru u bagħtu lil Degiorgio permezz ta’ messaġġ u qal li t-“top-up” kien għal numru mal-kumpanija Vodafone, liema linja allegatament intużat biex intbagħat is-sinjal li sploda l-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

“Mort il-Marsa nistennieh, ċemplitlu u ma weġibnix. Mort nistenna u ħadt kafe’ fil-klabb tar-Regatta u dak il-ħin bgħatli messaġġ li mhux ġej u allura mort għax-xogħol,” xehed Caruana fejn qal li hu u Degiorgio kienu ta’ spiss imorru jistadu.

Xehdet ukoll koppja li tgħix qrib il-familja Caruana Galizia. Il-koppja, li l-identita’ tagħha mhux qed tixxandar fuq ordni tal-Qorti, qalet li kienu raw karozza suspettuża ipparkjata qrib ir-residenza tagħhom fil-jiem ta’ qabel id-delitt.

Il-vettura ma dehritx iktar fl-inħawi wara li seħħet l-isplużjoni. Ir-raġel qal li l-persuna li kien ikun hemm fil-karozza kienet ta’ karnaġjon skura “qisu Libjan jew Għarbi”.

Xehdu wkoll diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post dakinhar tad-delitt. Dawn sostanzjalment ikkonfermaw ix-xhieda li taw l-investigaturi fil-bidu tal-kumpilazzjoni f’Diċembru li għadda.

Il-Kumpilazzjoni mistennija tkompli l-ġimgħa d-dieħla.

Sadanittant, l-Avukati tad-Difiża ilmentaw li l-klijenti tagħhom mhux qed ikunu trattati bħal persuni oħra miżmuma fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, assistiti mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. L-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat qed jassistu lil Alfred Degiorgio, l-Avukat Josette Sultana qed tidher għal George Degiorgio filwaqt li l-Avukat Martin Fenech qed jidher għal Vincent Muscat. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.