Internazzjonali

Il-Ġappun: Imutu f’residenza għal nies bi problemi soċjali

Tal-anqas ħdax-il persuna tilfu ħajjithom qalb nirien li ħakmu faċilità residenzjali għal persuni b’diffikultajiet finanzjarji fil-belt ta’ Sapporo, lejn it-Tramuntana tal-Ġappun.

In-nirien qabdu fil-lejl tal-Erbgħa u ma damux biex infirxu qalb il-kumpless ta’ tliet sulari, fejn kienu qed jgħixu aktar minn 16-il resident.

L-aħħar rapporti qalu li tal-anqas ħames residenti kienu salvati min-nirien wara li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu wieġbu għall-allert.

Aktar tard kien ikkonfermat li l-firefighters li marru fuq il-post irnexxielhom joħorġu lil xi residenti minn ġol-bini waqt l-eqqel tan-nirien.

Il-kumpless kien magħruf  bħala residenza għal persuni, ftit jew wisq, anzjani.

Din ir-residenza kienet qed titmexxa minn organizzazzjoni li tipprovdi akkommodazzjoni ‘li jiflaħ għaliha kważi kulħadd’ – b’din l-organizzazzjoni anki qed tgħin persuni li jiddependu fuq il-ġid soċjali biex isibu xogħol xieraq.

Intant, l-awtoritajiet, bħalissa, għaddejjin b’investigazzjoni dwar x’seta’ ikkaġuna n-nirien f’dak il-kumpless.

Fil-passat kien hemm drabi oħra fejn ħadu n-nar residenzi għal persuni bi problemi soċjali. F’każ partikulari, li jmur lura għall-2010, seba’ persuni kienu mietu ġo nursing home għall-anzjani, f’Sapporo, li wkoll kien ħa n-nar.