Internazzjonali

L-attur Robert Wagner ‘persuna ta’ interess’ fil-mewt ta’ martu, Natalie Wood

 

L-attur Amerikan Robert Wagner issemma bħala ‘persuna ta’ interess’ fil-mewt tal-mara tiegħu, l-attriċi Natalie Wood, meta l-każ għadu misteru sallum, 36 sena wara.

Dan żvelawh kelliema mad-Dipartiment tax-Sheriff ta’ Los Angeles County permezz ta’ dokumentarju ġdid tas-CBS li jitratta l-mewta ta’ Wood u ċ-ċirkustanzi misterjużi marbuta magħha.

Il-kelliema qalu li fl-aħħar sitt snin ta’ investigazzjoni dwar il-każ, huma qegħdin jaraw li Robert Wagner ‘sar aktar persuna ta’ interess’ milli seta’ kien il-każ fil-passat.

Natalie Wood kienet għerqet waqt li, fl-1981, kienet qed tqatta btajjel fuq dgħajsa flimkien ma’ Robert Wagner u l-attur ħabib tagħhom, Christopher Walken. Hi nstabet mgħarrqa fil-baħar ‘il hinn mill-gżira ta’ Catalina, fin-naħa t’isfel ta’ Kalifornja u fejn hi kienet liebsa nightgown u ġakketta tal-flanella.

Wagner, li llum għandu 87 sena, u hu miżżewweġ lill-attriċi Jill St. John, dak iż-żmien spjega li l-mewta ta’ Wood seħħet b’riżultat ta’ inċident traġiku. Hu rrakkonta li ‘fil-lejl fatali’ hu kellu argument ma’ martu u hi, f’ħin u sabta, kienet qabdet u niżżlet dinghy mid-dgħajsa u ‘telqet xi mkien biha’.

L-attur kompla li din kienet l-aħħar darba li hu kien ra lil martu ħajja, bl-awtoritajiet, dak iż-żmien, jaċċettaw din il-versjoni filwaqt li jiddikjaraw il-mewta ta’ Natalie Wood bħala aċċidentali.

Iżda fl-2011, huma fetħu mill-ġdid l-investigazzjoni fuq it-talbiet ta’ oħt l-attriċi mejta, Lana, u l-Kaptan tad-dgħajsa, Dennis Davern.

Intant, awtopsja suġġeriet li Natalie Wood spiċċat il-vittma ta’ assalt, bl-attenzjoni taqa’ ‘fuq ċerti marki li hi kellha fuq moħħha meta nstabet mejta’.

Il-Pulizija, għalissa, ma ddikjarawx il-mewt ta’ Natalie Wood bħala omiċidcju u ma ressqu l-ebda akkużi fil-konfront ta’ Robert Wagner. Madankollu d-detektivs li qed jerġgħu janalizzaw il-każ jemmnu li ‘hu jaf aktar minn dak li kien żvela fit-tmenijiet’ dwar il-mewta traġika ta’ martu.