Tmien MEPs Liberali minn pajjiżi differenti bagħtu mistoqsijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, b’mod partikolari wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istess tema.
Fil-mistoqsijiet tagħhom, l-MEP għamlu referenza filfatt għall-qtil ta’ Caruana Galizia, li, fi kliemhom, ixxokkja lil kulħadd. Huma jiddeskriva dan il-qtil bħala inċident mhux iżolat f’dak li qed jiġri f’Malta. Dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew, l-MEPs qalu li l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport juru li hemm sfidi kbar għas-saltna tad-dritt f’Malta, fost l-oħrajn nuqqas ta’ indipendenza għall-media, nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-poteri, nuqqas ta’ indipendenza fil-ġudikatura u l-awtoritajiet li suppost jinfurzaw il-liġi, nuqqas ta’ effett fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, implimentazzjoni dgħajfa tal-liġi kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Il-mistoqsijiet li għamlu l-MEPs lill-Kummissjoni Ewropea huma dawn:
– Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni f’Malta hix fi ksur ċar tas-saltna tad-dritt?
– X’passi se tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex teżamina l-indipendenza u l-impatt li qed iħallu l-awtoritajiet li suppost jinfurzaw il-liġi, b’mod partikolari fil-koperazzjoni bejn l-Europol Financial Intelligence Unit, l-FIAU ta’ Malta u l-Pulizija ta’ Malta?
– Il-Kummissjoni Ewropea taqbel li għandu jsir rapport kontra l-korruzzjoni biex jindirizza n-nuqqas ta’ sforz minn Malta biex tiġġieled il-korruzzjoni?
Parliamentary question on #Malta #RuleofLaw by @SophieintVeld @CeciliaWikstrom @IvanJakovcic et al @ALDEgroup pic.twitter.com/wzM8H9jpdF
— Sophie in 't Veld (@SophieintVeld) February 1, 2018
L-MEPs li bagħtu l-mistoqsijiet huma l-Olandiża Sophia in ’t Veld, iċ-Ċek Petr Ježek, il-Belġjan Louis Michel, l-Ispanjola Maite Pagazaurtundua Ruiz, l-Awstrijakka Angelika Mlinar, id-Daniż Morten Helveg Petersen, l-Iżvediża Cecilia Wikström u l-Kroat Ivan Jakovĉić.
//= $special ?>