Lokali

Tibda missjoni ġdida tal-Frontex: Tista’ taffettwa lil Malta

Il-Frontex nediet missjoni ta’ salvataġġ ta’ immigranti fiċ-ċentru tal-Mediterran bl-isem ta’ Themis, iżda f’din il-missjoni tneħħa l-obbligu biex l-immigranti salvati jittieħdu lejn l-Italja.

Fil-missjoni ta’ qabel li kienet iġġib l-isem ta’ Triton, dawk li kienu salvati fuq il-baħar kienu jittieħdu l-Italja anke jekk Malta kienet tkun eqreb.

Izabella Cooper kelliema għall-Frontex qalet li l-missjoni Triton kienet tobbliga lil min isalva biex jieħu l-immigranti salvati lejn l-Italja, imma issa Themis se tħalli f’idejn min jikkoordina l-ħidma ta’ salvataġġ biex jiddeċiedi hu f’liema pajjiż jittieħdu dawk salvati.

Din id-deċiżjoni qed titqies bħala messaġġ politiku lil Malta li fl-aħħar snin rat ftit li xejn wasliet ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna. Mitlub għar-reazzjoni mill-aġenzija Reuters il-Gvern Malti ma kellux kummenti x’jgħaddi.

Waħda mid-deċiżjonijiet ta’ Themis hi dik li immigranti salvati ma jittieħdux f’pajjiżi bħal Libja jew it-Tuneżija.

F’Jannar biss fl-Italja waslu 4,256 immigrant bil-baħar.