Lokali

Tommy b’tama li jkun jista’ jagħmel affarijiet bażiċi bl-għajnuna tal-komunità

Storja li minkejja d-diffikultajiet kollha, qed toħroġ is-sabiħ ta’ komunità ħajja. Numru kbir ta’ nies qiegħdin jgħinu sabiex Tommy ikun jista’ jgħix ħajja iktar faċli.

Wara disa’ xhur ta’ tqala li għaddew b’wiċċ il-ġid, waqt il-ħlas it-tarbija ma telalitix l-ossiġnu għal moħħha. Dan wassal biex din it-tarbija, Tommy twieled bi problemi f’saħħtu. Sfortunatament dan it-tifel mhux kapaċi jagħmel affarijiet bażiċi li tfal oħra tal-età tiegħu jagħmlu waħedhom.

Il-President tal-Kummissjoni Festi Parroċċa Madonna tas-Sacro Cuor Sliema, Brian Vigar ħareġ bl-idea li jgħin lil din il-familja. Dan wara li omm it-tifel avviċinatu bl-istorja ta’ Tommy.

Hu tkellem ma’ Net News bil-ħidma tiegħu li spiċċat infirxet ma’ numru kbir ta’ nies.  Brian qal li “omm u missier Tommy talbuna biex ngħinuhom f’dan it-trattament li jiswa madwar 35 elf euro. Bdejna bi ftit messaġġi bejnietna bħala kumitati tal-festa, kif ukoll in-nies tal-parroċċa. Din il-ħaġa nfirxet barra mill-parroċċa tagħna ta’ Tas-Sliema.”

Bħalissa Tommy jinsab l-Ingilterra fejn għaddej minn proċess sabiex itejbu l-ħajja tiegħu. B’proċess importanti ieħor, Tommy ikollu tama sabiex ikun jista’ jagħmel affarijiet bażiċi waħdu, fosthom jiekol u jimxi. Brian qal li “dan il-weekend fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Parroċċa Sacra Cuor se ntellaw attività, fejn se jkunu qed jiġbru donazzjonijiet għal Tommy. Bħalissa nġabru madwar tmien t’elef euro, ovjament għadna ftit lura ghas-somma ta’ €35 elf għat-trattament.”

Fl-okkażżjoni ta’ 100 sena parroċċa tal-Knisja Sacro Cuor ta’ Tas-Sliema, il-Kappillan Patri Paul Galea qalilna li “qiegħdin matul din is-sena ċentinarja, fejn nixtiequ li ma jkunx hemm sempliċiment ċelibrazzjonijiet li jgħaddu, iżda tkun sena fejn jinħass iktar is-sens komunitarju.

Numru ta’ għaqdiet, kumpaniji u saħansitra nies minn barra minn Malta qiegħdin jgħinu sabiex Tommy ikun jista’ jgħix ħajja aħjar bħal kull tifel u tifla oħra. L-għajnuna se twassal ukoll biex il-familja tiffoka iktar fuq it-tifel filwaqt li jtaffu l-ispejjeż kbar li qed tiffaċċja.