Lokali

Valletta 2018 tingħata l-ħajja u l-kulur permezz tal-Karnival

Il-Karnival ta’ din is-sena se jkun speċjali għaliex qed jiġi ċċelebrat matul is-sena li fiha l-Belt Valletta hi l-belt Kapitali tal-Kultura.

Din is-sena, il-Karnival se jkun mifrux fuq perjodu itwal, mit-8 sat-13 ta’ Frar.

Dan l-avveniment tradizzjonali, li jiġbor lin-nies minn kull qasam tal-ħajja, se jsir f’attivitajiet madwar Malta kollha, bl-attivitajiet ċentrali jsiru ġewwa l-Belt Valletta.

Il-Karnival Malti huwa wieħed uniku u li jiġi ċċelebrat fi ftit pajjiżi fid-dinja. Dan l-avveniment jagħti l-opportunità għal numru ta’ artisti biex juru t-talenti tagħhom. B’kollox se jkun hemm 35-il kumpanija, b’20 minnhom se jieħdu sehem b’mod kompetittiv.

Bħas-snin passati, il-karrijiet se jkunu qed jiġu esebiti fuq il-Fosos tal-Furjana filwaqt li ċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru ġewwa l-Belt Valletta. Minħabba numru kbir ta’ kompetizzjonijiet taż-żfin, din is-sena l-Karnival żdied b’ġurnata hekk kif se jibda mill-Ħamis 8 ta’ Frar.

L-attivitajiet se jibdew fi tmiem ta’ din il-ġimgħa ġewwa l-Esplora. Il-Ħadd filgħodu se ssir sfilata ġewwa l-Isla, bil-karrijiet jimxu lejn Bormla biex finalment jispiċċaw il-Birgu.

Is-Sibt 10 ta’ Frar se jsir ballu f’Pjazza Tritoni li se jiġi akkumpanjat minn banda u DJs lokali. Dawn se jkunu qed jgħatu spettaklu lin-numru kbir ta’ nies li mistennija jidħlu l-Belt. L-attivitajiet se jibqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl. It-tlettax ta’ Frar imbagħad tintemm l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Karnival bl-isfilata fi Triq Sant’Anna fil-Floriana.