Formula 1 Sport

Hamilton viċin li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Mercedes

Lewis Hamilton mistenni jġedded il-kuntratt ma' Mercedes

Mercedes jemmnu li hu imminenti biex iċ-champion renjanti Lewis Hamilton jiffirma kuntratt ġdid mat-tim. Il-kuntratt ta’ Hamilton mas-Silver Arrows jintemm fi tmiem din is-sena.

Iżda Mercedes saħqu li jistennew lil Hamilton jiffirma dan il-kuntratt li bih se jsir l-aktar Britanniku sportiv li se jkun imħallas, b’salarju ta’ €48 miljun fis-sena. Hamilton se jkun qed itellaq flimkien ma’ Valtteri Bottas fl-2018 wara li l-Finlandiż ingħata kuntratt ta’ sena.

“Lewis sar pedina importanti fit-tim u ma hemm l-ebda raġuni għaliex ma għandniex inkomplu flimkien. Id-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin u huma pożittivi. Fadal ftit biex nagħlqu u niffirmaw kollox,” qal il-kap ta’ Mercedes Toto Wolff.

Filwaqt li Hamilton hu sewwieq importanti fid-dinja tal-Formula 1, Mercedes ftit għandhom għażliet ta’ sewwieqa li jistgħu jieħdu post Hamilton, filwaqt li jekk iħalli lit-tim, Hamilton ma għandux għażliet fejn imur.

Red Bull tkun destinazzjoni attraenti għall-Britanniku iżda jeżistu dubji fuq is-saħħa tal-magna fis-snin li ġejjin, filwaqt li l-estensjoni tal-kuntratt ta’ Vettel għalqet il-possibiltajiet li Hamilton jingħaqad ma’ Ferrari.

It-tliet timijiet ta’ fuq, għandhom tal-anqas sewwieq li jispiċċalu l-kuntratt fi tmiem is-sena. Is-sewwieqa huma Kimi Raikkonen ta’ Ferrari u Daniel Ricciardo ta’ Red Bull.

L-estensjoni li Vettel iffirma ma’ Ferrari jiskadi fl-2020 filwaqt li Max Verstappen ġedded il-kuntratt għal tliet staġuni oħra f’Novembru li għadda.