Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għaddej b’diversi progetti li jtejbu l-infrastruttura tal-lokalità. F’dawn il-jiem, il-Kunsill tas-Siġġiewi beda xogħolijiet f’parti minn Triq Nerik Vassallo wara li applika għal fondi lokali, kif ukoll xogħolijiet fi Triq San Ġorġ Preca wara talba tal-Kunsill Lokali lill-Awtorità tat-Trasport. Dan il-proġett b’investiment bejn dawn l-entitajiet differenti se jtejjeb l-infrastruttura f’din iż-żona urbana.
Fl-istess waqt il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għaddej b’ħidma sabiex din s-sena jsiru toroq rurali approvati b’fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan l-investiment b’fondi tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Lokali huwa ta’ kważi Eur800,000. It-toroq approvati huwa Triq tal-Fawwara, Triq ta’ Ħal Xluq, Triq tax-Xama, Triq Bur ix-Xewk u Triq Wied Costa.
Fl-aħħar xhur il-Kunsill Lokali kien f-kuntatt kontinwu mal-Awtorità tat-Trasport biex sar investiment fi Triq ta’ Kilpa. Il-proġett se jkun qed jidħol fl-aħħar fażi tiegħu b’xogħolijiet għal aħħar saff ta’ tarmac u investiment addizjonali mill-Awtorità tal-Trasport biex issir roundabout għal immaniġġjar aħjar tat-traffiku.
Sadanittant il-Kunsill Lokali qed jaħdem ukoll biex ikompli jtejjeb l-aċċessibilità permezz ta’ investiment kontinwu fil-bankini, tabbelli, mirja u investiment ta’ madwar Eur40,000 fis-sena għal patching tat-toroq – l-aktar fiz-zona rurali.
Fl-istess waqt, il-Kunsill Lokali se jkun qed jinvesti Eur33,000 biex isiru ħitan tas-sejjieħ li diġà huma approvati b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn l-investimenti se jwasslu biex f’inqas minn sena se jkunu ġew investiti kważi żewġ miljun ewro fit-toroq tas-Siġġiewi.
Is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li dan l-investiment huwa l-frott ta’ ħidma bil-għaqal tal-Kunsill Lokali matul is-snin riċenti sabiex jattira fondi għall-infrastruttura inkluż fondi mill-Unjoni Ewropea. Hi sostniet li l-Kunsill Lokali se jibqa’ jaħdem biex itejjeb l-infrastruttura, l-aċċessibilitá u l-immanġġjar tat-traffiku.
//= $special ?>

