Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Ir-rapport tal-PE dwar Malta: it-tweġiba tal-Gvern hi farsa – David Casa

It-tweġiba tal-Gvern Malti għar-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta hi farsa. Min kiteb it-tweġiba jaħseb li l-MEPs m’għandhomx aċċess għall-internet jew mhux kapaċi janalizzaw affarijiet bażiċi.

Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa fi stqarrija b’reazzjoni għat-tweġiba li l-Gvern Malti bagħat lill-Parlament Ewropew dwar ir-rapport dwar is-saltna tad-dritt li ġie ppubblikat kważi xahar ilu. Fost l-oħrajn, il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport isejħu għat-tkeċċija tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u biex dawn jiġu investigati.

Id-dokument li ħareġ il-Gvern Malti, filwaqt li jikkonferma li l-Pulizija ma ħadet ebda passi, jgħid li dan sar għaliex “ma kienx hemm biżżejjed suspetti ta’ attività kriminali” u li l-investigazzjoni kienet tkun “ħela ta’ ħin u ħela tar-riżorsi tal-pulizija”.

David Casa qal li hu skandaluż kif il-Gvern qed jiprova jnaqqas l-importanza tar-rapporti tal-FIAU bi skuża tal-inkjesti Maġisterjali. “Dan id-dokument hu tal-mistħija. L-MEPs segwew dak li ħareġ mill-Panama Papers u qraw ir-rapporti tal-FIAU. Il-fatt li l-Gvern qed jagħti spjegazzjonijiet daqshekk patetiċi se taħdem bil-kontra,” sostna Casa.

Fir-rapport, il-Gvern jgħid ikun li għandu dubji fuq il-legalità tar-rapport tal-Parlament Ewropew u fuq id-delegazzjoni li ġiet Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt. Dwar dan, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista qal li kull attentat biex idgħajjef il-ħidma ta’ Membri Parlamentari Ewropew mill-gruppi politiċi kollha u eletti demokratikament hu żbaljat.

Il-konklużjonijiet tar-rapport dwar is-saltna tad-dritt iridu jiġu ndirizzati mingħajr dewmien – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitneħħew u jkunu investigati – ir-rapport tad-delegazzjoni tal-PE dwar Malta