Lokali

Sitwazzjonijiet prekarji fost il-ħaddiema tal-G4S – mhux eskluża tilwima industrijali

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Il-UĦM Voice of the Workers mistennija tiftaħ tilwima industrijali fil-jiem li ġejjin hekk kif l-impjegati tal-G4S jinsabu f’sitwazzjoni prekarja għall-aħħar. Hekk sostniet fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers hekk kif qed tħeġġeġ lill-management tal-kumpanija G4S sabiex,  jiġu indirizzati numru ta’ kwistjonijiet prekarji li qed jolqtu, lill-ħaddiema, assenjati fl-Isptar Mater Dei.

Dan wara li l-unjin saħqet li rċeviet numru ta’ ilmenti mingħand l-impjegati li spiċċaw ħadmu aktar sigħat wara l-ħin. Sussegwentament minflok li ngħataw dak  li hu dovut lilhom, il-ħaddiema spiċċaw jirċievu l-ħlas tassahra tliet xhur wara.

Il-UĦM Voice of the Workers, insistiet li din is-sitwazzjoni hija waħda inaċċettabbli u l-ħaddiema li jaħdmu sigħat żejda għandhom jirċievu dak li huma intitolati għalih bla ebda dewmien.

L-union saħqet li tinsab  mħassba li l-ħaddiema qed jispiċċaw jieħdu leave sfurzat sabiex il-kumpanija tlaħħaq l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Allegatament il-kumpanija m’għandhiex biżżejjed sigħat ta’ xogħol x’toffri lill-ħaddiema u konsegwentament, qed tispiċċa tagħti leave sfurzat   lill-impjegati.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers qed tavviċina lill-ħaddiema tal-G4S li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei sabiex hi tkun tista’ tirrikonoxxihom. It-Taqsima Manifattura u Kummerċ qed tgħin lil ħafna ħaddiema b’mod individwali.

L-union saġqet li l-istess Taqsima ser tgħin lil grupp ta’ ħaddiema li huma bil-kuntratt mal-G4S u li jesegwixxu xogħolijiet fuq barra ta’ l-Isptar, bħal fost oħrajn, il-kontroll tal-parkeġġ u l-clamping.

Dan hekk kif skont l-Union jidher li dawn il-ħaddiema qed ibatu minn sfruttament bla bżonn u abbuż mill-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-management tal-G4S sabiex isiru taħditiet madwar il-mejda u jirbaħ is-sens komun sabiex dawn l-imsemmija kwistjonijiet jiġu diskussi mill-aktar fis filwaqt li jinstabu soluzzjonijiet dinjitużi għall-ġid tal-ħaddiema u l-familji tagħhom