Tħabbret il-mewt tal-jkittieb Anton Agius Muscat li miet fl-età ta’ 86 sena.
Huwa twieled fid-19 ta’ April 1931 il-Ħamrun u studja l-Liċeo, is-St Michael’s Training College u f’St Mary University College ta’ Twickenhan, l-Ingilterra. Fl-1950 beda jgħallem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fl-1960 laħaq assistent kap u fl-1970 inħatar Kap ta’ skola. Irtira mis-servizz fl-1992.
Ħadem fi ħdan il-Moviment tal-Malti u l-Għaqda Letterarja Maltija. Ħa ħsieb jippreżenta diversi programmi letterarji fiż-żewġ għaqdiet.
Laqgħuh membru tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) fl-1960. Għal snin twal ħadem fil-kunsill kemm bħala Segretarju Relazzjonijiet Pubbliċi kif ukoll bħala Teżorier u Viċi President.
F’isem L-Akkademja tal-Malti organizza u mexxa erbatax-il programm televiżiv fl-1980/81 bl-isem Ħarsa mill-Qrib, li fihom it-telespettatur iltaqa’ ma’ kittieba anzjani.
Fl-1982 Karmenu Vassallo ddeskrivieh bħala “kontributur ħawtiel u lieżem fil-qasam ġurnalistiku Malti, b’ħemel ta’ kitba bl-Ingliż u bil-Malti ta’ qatgħa u xejra kulturali/edukattiva/soċjali.
Il-funeral huwa mħabbar li se jsir għada, is-Sibt 3 ta’ Frar 2018 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, fis-2.00pm.
//= $special ?>

