Lokali

Żagħżugħ jitlaq mill-MCAST hekk kif il-Gvern ma jridx itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema

Daniel Cilia, żagħżugħ li sa ftit tal-jiem ilu kien Student fl-MCAST, spjega b’filmat fuq YouTube kif kellu jieħu d-deċiżjoni li jitlaq mill-Kors kawża tal-istrajk tal-Għalliema, hekk kif il-Gvern għadu ma jridx itejbilhom il-kundizzjonijiet għal xogħolhom.

Iż-żagħżugħ sostna li din kienet waħda mill-itqal deċiżjonijiet f’ħajtu. Huwa saħaq li telaq minn din l-istituzzjoni wara li xi xahrejn ilu kien ingħata bidu l-istrajk tal-għalliema mal-MUT. Huwa saħaq li jaqbel magħha hekk kif l-għalliema tal-MCAST kien ħaqqhom iż-żieda bħal ma’ ħadha ħaddieħor.

Daniel saħaq però li l-istudenti ikollhom bżonn l-għajnuna tal-għalliema hekk kif fil-fehma tiegħu dan it-tilwim kollu fixkel ferm lill-istudenti.

Iż-żagħżugħ saħaq li dan l-istrajk assolutament ma għen lil ħadd hekk kif kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema bgħatew mis-sitwazzjoni hekk kif xorta waħda dawn tal-aħħar ma ħadux li riedu.

Daniel stqarr ukoll li fit-tieni semestru kienu qalulhom li l-klassijiet kienu ser jinqasmu wara li l-istudenti jkunu rabbew relazzjoni bejnithom iżda din il-mossa ma kenitx għal kulħadd.

Filwaqt li rringrazzja lil kull min tah l-appoġġ wara din id-deċiżjoni li ħa, Daniel insista li jispera li l-istudenti futuri tal-MCAST ikunu trattati ferm aħjar minn dawk preżenti.

Iżda fi stqarrija l-MCAST ċaħad dan kollu u qal li “hemm storja ferm differenti” dwar dan il-każ.