Futbol Sport

FILMAT: Birkirkara jkomplu bis-serje pożittiva

Duane Bonnici jipprova jagħlaq l-ispazju ta’ Carlos da Silva (Ritratt: Domenic Aquilina)

NAXXAR L………..0

BIRKIRKARA…….2

Naxxar: C. Nicht, R. Santos, S. Duarte, J. Moser (M. Fenech 69’), A. Buhagiar (R. Cassar 84’), M. Micallef, D. Falzon (J. Ellul 70’), D. Bonnici, D. Bustos, O. Ndoye, Y. Messias

Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard, N. Vukanac, F. Barbosa, K. Zammit, M. Andelkovic, T. Agius, J. Grech (N. Farrugia 90’), C. da Silva, S. Dimitrov (A. Attard 87’), W. Acosta (G. Zammit 83’)

Imwissija: T. Agius 22’ (B), A. Buhagiar (N)

Skorjaw: T. Agius 47’, W. Acosta 57’ (B)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Thomas Debono

Il-Mument Plejer tal-logħba: Srdan Dimitrov (Birkirkara)

Attendenza: 540

Żewġ gowls fil-bidu tat-tieni taqsima kienu biżżejjed biex Birkirkara jiksbu rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Naxxar Lions. Din ir-rebħa kienet is-seba’ waħda konsekuttiva fil-kampjonat kif ukoll għas-seba’ logħba ma sofrewx gowl.

B’hekk huma rnexxielhom jilħqu lil Gżira United fit-tielet post tal-klassifika b’34 punt. Fuq in-naħa l-oħra, Naxxar tilfu punt fil-konfront ta’ St. Andrews u Tarxien Rainbows li t-tnejn kisbu punt fil-logħbiet ta’ din il-ġimgħa.

Il-gowls waslu minn żewġ akkwisti ta’ Jannar, xhieda li x-xogħol li sar fis-suq tat-trasferimenti qed iħalli l-frott. Fl-ewwel taqsima l-karkariżi sabuha diffiċli biex jinfdu d-difiża organizzata ta’ Naxxar. Iżda wara li skorjaw fil-bidu tat-tieni taqsima, setgħu jikkontrollaw il-logħba.

Il-kowċ Paul Zammit għamel żewġ bidliet mir-rebħa konvinċenti kontra Senglea Athletic, hekk kif Edward Herrera kien sospiż, b’Cain Attard jibda fuq il-lemin, filwaqt li Terence Agius beda minflok Rodrigues de Brito. Oliver Spiteri għamel biss bidla mir-rebħa kontra Lija Athletic b’Angus Buhagiar jirritorna mis-sospensjoni.

Birkirkara bdew fuq l-offensiva b’xutt ta’ Dimitrov ikun salvat minn Nicht wara sitt minuti, bl-istess gowlkiper idawwar f’korner xutt ta’ Andelkovic mal-kwarta logħob. Dimitrov reġa’ prova b’azzjoni oħra man-nofs siegħa logħob iżda t-tentattiv reġa’ ġie salvat mill-gowlkiper Naxxari.

It-tim ta’ Paul Zammit beda t-tieni taqsima b’mod aggressiv meta marru minn fuq fis-47 minuta. Carlos da Silva ħabbat il-ballun ma’ Terence Agius bil-midfielder żagħżugħ jegħleb lil Nicht b’xutt fil-baxx għar-rokna minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.

Wara dan il-gowl huma żiedu l-kunfidenza, u rduppjaw qabel is-siegħa logħob. Kien korner mil-lemin ta’ da Silva, il-ballun spiċċa għand Fernando Barboda li qabbeż fuq id-difiża avversarja lejn Waldemar Acosta li żmarkat quddiem il-lasta, għeleb lil Nicht bir-ras f’pożizzjoni dubjuża ta’ offside.

Naxxar ma wettqux reazzjoni għajr free-kick ta’ Yuri Messias fl-74 minuta li kien salvat mingħajr diffikultà minn Naumovski. Fl-aħħar parti tal-logħba, Birkirkara setgħu kabbru l-iskor, iżda baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem.