Il-Pulizija kellhom jissejħu f’żona mitluqa li tintuża bħala parkeġġ f’San Pawl il-Baħar wara ġlieda li żviluppat bejn grupp ta’ erba’ barranin.
Xhieda fil-post li tkellmu ma’ dan l-istazzjon iddeskrivewlna kif instema’ għajjat bl-Għarbi, fl-inħawi ta’ Triq J. Quintinus, fil-Qawra, bil-Pulizija jintalbu jintervjenu. Aktarx li dan kien argument minħabba kwistjoni ta’ xogħol.
Għalkemm jidher li ma sarux arresti, il-persuni nvoluti ġew imwissija mill-Pulizija anke għaliex jidher li wħud minnhom lanqas kellhom mezz ta’ identifikazzjoni. Mhux magħruf hux se jittieħdu passi ulterjuri fil-konfront tagħhom.
Jirriżulta li din mhix l-ewwel darba li gruppi ta’ persuni barranin jiltaqgħu fl-istess żona u mhux l-ewwel darba lanqas li żviluppaw ġlidiet simili. Ftit tal-jiem ilu seba’ Għarab spiċċaw jargumentaw bejniethom, b’wieħed minnhom ikisser flixkun tal-ħġieġ u jhedded lil ieħor bih.
//= $special ?>
