Futbol Sport

FILMAT: Sliema Wanderers jirritornaw jirbħu wara ħames logħbiet

Matias Muchardi jipprova jimblokka passaġġ ta’ Raphael Kooh Sohna (Ritratt: Domenic Aquilina)

SLIEMA W………..2

LIJA A……………..0

Sliema: G. Zammit, J. Mintoff, M. Scerri (K. Shaw 86’), S. Biancardi, R. Correa, M. Muchardi, P. Xuereb, M. Sansone (R. Spiteri 70’), F. Temile, N. Milinceanu, J. de Assis (E. Agius 58’)

Lija: L. Bonnici, C. Cassar (D. Agius 78’), P. Borg, O. Sidibe, A. Sammut, R. Sammut (R. Kooh Sohna 57’), D. Scerri, L. Muscat, K. Hirose, E. Beu, V. Hysa (M. Clinch 85’)

Imwissija: R. Sammut 15’, K. Hirose 44’ (L), P. Xuereb 66’ (S)

Skorjaw: O. Sidibe 58’, M. Sansone 67’ (L)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Luke Portelli, William Debattista

Il-Mument Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Sliema Wanderers)

Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Lija Athletic 2-0, f’logħba li ddominaw. Il-25 ta’ Novembru kienet l-aħħar darba li s-Slimiżi ħarġu rebbieħa, u minn dakinhar kisbu biss tliet punti biex tilfu r-ritmu mat-timijiet ta’ fuqhom.

Lija b’din it-telfa komplew jersqu lejn l-Ewwel Diviżjoni hekk kif ġarrbu s-sitt telfa konsekuttiva. Huma rari kienu perikolużi iżda sakemm kienu 0-0 b’xi mod baqgħu fil-logħba. Madankollu wara li Sliema fetħu l-iskor, ma kellhomx reazzjoni.

Il-kowċ Slimiż John Buttigieg għamel żewġ bidliet mid-draw kontra Valletta. Ricardo Correa beda fuq il-linja xellugija flok Nortney filwaqt li Jefferson de Assis irritorna mal-ewwel ħdax, b’Mark Scerri jilgħab fid-difiża flok Goran Adamovic. Erba’ bidliet għall-kowċ Joseph Galea bi tlieta minnhom ikunu fid-difiża.

Lija ħolqu l-ewwel periklu lejn il-lasta avversarja fit-18-il minuta meta Erjon Beu prova b’xutt minn barra l-kaxxa li kien salvat f’darbtejn minn Glenn Zammit. Sliema kellhom ċans tajjeb li jiftħu l-iskor fil-25 minuta b’passaġġ intelliġenti fl-ispazju ta’ Matias Muchardi li sab lil Nicolae Milinceanu li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Luke Bonnici. L-attakkant għażel li jipprova jaqbeż l-avversarju, iżda minkejja li rnexxielu ġġenneb u spiċċa biex ixxuttja barra.

Is-Slimiżi kienu għoddhom fetħu l-iskor fil-31 minuta meta kross mil-lemin ta’ Peter Xuereb, għadda tul il-lasta b’Jefferson de Assis ikun pront u jixħet fix-xibka mill-viċin, iżda l-assistent referee Luke Portelli għolla l-bandiera għal offside.

Disgħa u tletin minuta u Sliema reġa’ kellhom azzjoni perikoluża. L-ewwel kienet daqqa ta’ ras ta’ Frank Temile li kienet blokkata minn Patrick Borg, u mill-istess azzjoni, kross ta’ Ricardo Correa sab lil Nicolae Milinceanu li mill-viċin stampa l-ballun mal-wieqfa.

Sliema komplew fejn ħallew fit-tieni taqsima u fid-49 minuta resaq qrib de Assis li naqas li jikkonkludi sew daqqa ta’ ras mill-viċin. Is-Slimiżi fetħu meritatament l-iskor fit-58 minuta meta minn free-kick ta’ Correa, Ousmane Sidibe għola u bir-ras spiċċa għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess.

Żewġ minuti wara, Sliema rduppjaw meta minn korner mogħti qasir, il-ballun spiċċa għand l-iżmarkat Michele SANSONE li b’konklużjoni fil-baxx minn qagħda tajba għeleb lil Bonnici. L-unika reazzjoni ta’ Lija waslet fl-74 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Hirose li kien imdawwar f’korner minn Glenn Zammit. Il-logħba kompliet tonqos mir-ritmu fl-aħħar minuti, b’Sliema jikkontrollaw mingħajr diffikultà.