Lokali Qorti

Il-każ dwar il-promozzjonijiet fl-Armata se jkompli – il-Qorti tiċħad appell li t-talba hi preskritta

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet tentattiv biex kawża quddiem il-Qorti dwar il-promozzjonijiet fl-Armata jaqa’ minħabba preskrizzjoni.

Il-Logutenent Kurunell Andrew Mallia fetaħ kawża fil-Qorti kontra l-Kmandant tal-Forzi Armati u l-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali wara li f’Settembru tal-2013, Pierre Vassallo, Mark Said, Jeffrey Curmi u Mark Mallia ingħataw promozzjoni għal Kurunell ġimgħatejn biss wara li ngħataw promozzjoni oħra għall-grad ta’ Logutenent Kurunell. Jeffrey Curmi u Mark Mallia inħatru Kmandant u Deputat Kmandant rispettivament.

Il-Kap Kmandant ta’ dak iż-żmien, il-Brigadier Martin Xuereb, kien wieġeb li ma kienx hu li rrakkomanda l-promozzjonijiet u d-deċiżjoni ttieħdet mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Manwel Mallia.

Il-Logutenent Kurunell Mallia irrefera l-kwistjoni tal-promozzjonijiet lill-President kif titlob il-liġi dwar il-Forzi Armati. F’Settembru tal-2015 hu ngħata tweġiba mill-Uffiċċju tal-President li ma kien hemm ebda irregolarita’.

Kien hawnhekk li l-Kurunell Mallia fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra l-Kap Kmandant u l-Ministru tal-Intern. Dawn wieġbu li l-każ m’għandux jinstema’ minħabba li kawżi fuq ilmenti amministrattivi għandhom isiru fi żmien sitt xhur. Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet din it-talba u sostniet li ż-żmien tal-preskrizzjoni beda jgħodd minn meta l-President ikkomunikat mal-Logutenent Kurunell Mallia f’Settembru tal-2015 u mhux Settembru tal-2013 meta seħħew il-promozzjonijiet.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi, ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Għaldaqstant, il-każ se jkompli jinstema’.

L-Avukat Andrew Borg Cardona qed jidher għall-Logutenent Kurunell Andrew Mallia.