L-Awtorità Maltija tal-Logħob, l-MGA, issospendiet il-liċenja tal-kumpanija Phoenix International Limited, kumpanija tal-gaming li kienet topera minn uffiċċju f’San Ġwann. B’din l-azzjoni, ġew affettwati wkoll diversi impjegati Maltin tant li erbgħa minn ħames managers imniżżla fuq is-sit tal-kumpanija huma Maltin.
Dan wara li fl-aħħar jiem f’Palermo ġew arrestati diversi persuni, ewlieni fosthom is-sid tal-kumpanija Phoenix, Benedetto Bacchi. Hu qed ikun akkużat li assoċja ruħu mal-mafja biex fetaħ madwar 700 post fejn wieħed seta’ jilgħab il-flus fuq attivitajiet differenti madwar l-Italja u 40 oħra fi Sqallija.
Bacchi jidher li kien jaqla’ mal-miljun ewro fix-xahar, b’somom minnhom li kienu jmorru għand familji mafjużi li magħhom kellu relazzjoni mill-qrib u saħansitra ftehim kuntrattwali.
Fost il-kumpaniji ta’ Bacchi, erba’ kienu stabbiliti f’Malta taħt il-kappa ta’ Phoenix International Limited. Instab ukoll li Bacchi kien juża kont bankarju f’Malta, li kien f’isem iz-ziju tal-mara tiegħu, u kumpaniji f’Malta biex jgħaddi l-flus li kien jaqla’ bl-għajnuna tal-mafja. B’hekk Bacchi kien jaħbi minn fejn jiġu l-flus, attività llegali li fi kliem ieħor tfisser ħasil tal-flus.
Kemm Bacchi kif ukoll il-persuni l-oħra arrestati flimkien miegħu mhux jikkollaboraw mal-investigaturi Taljani, anzi għażlu li ma jweġbux għall-mistoqsijiet li qed isirulhom.
Sadattant l-avukat David Gonzi, wieħed mid-diretturi ta’ GVM Holdings, iddiżassoċja ruħu minn Phoenix International Limited. Fi stqarrija ddikjara li fil-passat il-kumpanija tiegħu offriet servizzji fiduċjarji lil Phoenix iżda r-relazzjoni bejniethom intemmet f’Ottubru tal-2016.
//= $special ?>