Futbol Sport

Qrendi u Marsa joffru spettaklu

Kenneth Abela jipprova jimblokk xutt f'attakk ta' Marsa (Ritratt: Joseph Galea)

QRENDI ……………….2

MARSA …………………2

Qrendi: J. Azzopardi, M. Farrugia, D. Santos Da Hora, Z. Bowman, D. Sammut, E. Amaira (M. Barbara 46 min), D. Zarb (B. Bondin 68 min), T. D’Amato, S. Nakamura, K. Abela, D. Martini (J.C. Sousa Da Martins 73 min).

Marsa: W. Galea, E. Grech, N. Micallef (M. Platisa 66 min), M. Busuttil, R. Mercieca, J. Farrugia, M. Gauci, L. Mijic (D. Pirotta 89 min), R. De Fex Marriaga, P. Lapira, V. Stanic.

Referee: Jude Amin Utulu

Marsa u Qrendi offrew spettaklu lbieraħ fil-Ħamrun, qasmu erba’ gowls bejniethom u kisbu punt meritat kull wieħed. Ir-riżultat hu bla dubju wieħed ġust f’waħda mill-aħjar logħbiet f’dan l-istaġun.

Għal Marsa dan kien punt prezzjuż miksub anki meta kellhom jilagħbu l-aħħar kwarta bi plejer inqas, biex b’hekk żammew il-pass ma’ Melita li fil-logħba tal-ġimgħa ukoll kisbu punt prezzjuż kontra Mqabba.

L-ewwel tentattiv tal-logħba kien minn naħa ta’ Marsa fejn Paul Lapira impenja lill-gowlkiper ta’ Qrendi li salva b’diffikultà. Ir-risposta minn naħa ta’ Qrendi waslet fid-19-il minuta b’azzjoni personali ta’ Santos Da Hora bil-gowlkiper ta’ Marsa jdawwar għal korner u mill-istess korner Amaira xeħet barra bir-ras minn qagħda tajba.

Fil-25 minuta azzjoni tajba ta’ Marsa bejn Lapira u De Fex Marriaga bix-xutt ta’ dan tal-aħħar minn qagħda angolata jkun salvat mill-gowlkiper ta’ Qrendi. Fit-32 minuta Marsa fetħu l-iskor, b’azzjoni tajba ta’ PAUL LAPIRA li għeleb difensur ta’ Qrendi u kif ra l-gowlkiper ħiereġ biex jagħlaq l-angolu qabbeż il-ballun minn fuqu għal gowl verament tajjeb.

Fis-37 minuta free-kick ta’ Nakamura kien salvat b’siequ mill-gowlkiper Galea u mir-rebound Dasser Sammut spara għoli. Fl-40 minuta kontrattakk veloċi ta’ Marsa fejn Lapira waħdu jqabbeż minn fuq Azzopardi iżda l-ballun mar ftit barra.

Żewġ minuti mill-intervall, Qrendi kisbu l-gowl tad-draw meta Dasser Sammut qassam mil-lemin lejn NAKAMURA li kellu kontroll impekkabbli u b’xutt fil-baxx iżda minn qagħda angolata għeleb lil Galea.

Fit-tieni taqsima l-logħba kompliet tkun waħda mill-iktar spettakolari b’għadd ta’ ċansijiet kemm fuq naħa kif ukoll fuq oħra bl-iktar li jmorru qirb ikunu Qrendi mas-siegħa logħob meta xutt ta’ Santos Da Hora stampa mal-mimduda. Żewġ minuti wara risposta ta’ Marsa b’xutt ta’ Mijic salvat minn Azzopardi u mir-rebound Gauci laqat in-naħa ta’ fuq tal-lasta.

Fit-63 minuta Qrendi fil-vantaġġ b’azzjoni ta’ Nakamura li qassam lejn DA HORA li mill-viċin għeleb lil Galea. Vantaġġ li dam biss ħames minuti għaliex Marsa kisbu d-draw b’azzjoni pjuttost konfuża u li kienet mitmuma minn PAUL LAPIRA li għaqqad id-doppjetta.

Kwarta mit-tmiem Marsa spiċċaw bi plejer inqas meta Ryan Mercieca ntwera t-tieni karta safra. Qrendi għafsu għar-rebħa fl-aħħar ħinijiet iżda Marsa ddefendew bi qlubija sat-tmiem.