Lokali

RITRATT: Diġa tkissru tnejn mill-istallazzjonijiet tal-arti madwar il-Belt Valletta

Tnejn mill-istallazzjonijiet tal-arti bħala parti mill-proġett 'Kif Jgħid il-Malti, sfortunatament diġa ġarrbu l-ħsara.

Tnejn mill-istallazzjonijiet tal-arti bħala parti mill-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti’, sfortunatament diġa ġarrbu l-ħsara, inqas minn 24 siegħa wara li ġew inawgurati.

Dan hekk kif il-figura ta’ għasfur bħala parti mill-biċċa ta’ arti li tirrappreżenta l-qawl “aħjar għasfur f’idek milli mija fl-ajru” spiċċat b’denb l-għasfur maqlugħa. Jirriżulta li anke waħda minn tliet baqriet li jirrappreżentaw il-qawl “il-baqra tinbiegħ kollha” spiċċat b’widna nieqsa.

Mhux magħruf jekk dawn kienux atti vandali, jekk xi ħadd ixxabbatx magħhom biex jieħu ritratt jew inkella dawn kinux inċidenti. Madankollu ż-żoni jinsabu sorveljati mill-kameras li l-filmati tagħhom mistennija jiċċaraw dan.

L-istallazzjonijiet temporanji għandhom l-iskop li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku dwar il-proverbji Maltin u l-istorja lingwistika ta’ pajjiżna. Il-proġett, tal-artist Joel Saliba, għandu l-għan li jqanqal kurżità u jirrifletti l-lingwa Maltija u qed isir bħala parti mit-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea mogħti lill-Belt Valletta.

B’kollox, madwar il-Belt Valletta, wieħed isib 13-il struttura artistika bħal din.

Ritratt: Jurgen Farrugia