Konklużjoni minn 40 metru ta’ Johnny Sexton bl-aħħar xutt tal-logħba wara 41 fażi, assigurat li l-Irlanda jibdew is-Six Nations fuq nota pożittiva b’rebħa drammatika ta’ 15-13 fuq Franza fi Stade de France.
L-Irlanda marru minn fuq wara tliet minuti b’penalty ta’ Sexton. L-Irlandiżi rduppjaw il-vantaġġ fil-21 minuta b’Sexton jiskorja minn 24 metru bogħod. Maxime Machenaud naqqas id-distakk għal Franza fil-35 minuta permezz ta’ penalty. Iżda żewġ minuti mill-ħin tal-mistrieħ, Sexton skorja t-tielet penalty biex l-Irlanda daħlet tistrieħ 9-3 minn fuq.
Il-vantaġġ tal-Irlanda kompla jikber sitt minuti fit-tieni taqsima b’penalty ieħor ta’ Sexton. Machenaud reġa’ wieġed bit-tieni penalty skorjat għal Franza. It-taqtigħa għall-penalties dehret li se tkompli, iżda Sexton falla l-mira biex b’hekk falla l-ewwel penalty mit-Tazza tad-Dinja tal-2015.
Minn hemm Franza kibru fil-kunfidenza u b’seba’ minuti għat-tmiem Thomas were veloċità tremenda biex tefa’ lill-Franċiżi minn fuq. Franza kellhom ċans li jkabbru d-distakk għal erba’ punti żewġ minuti mit-tmiem, iżda fallew iċ-ċans. L-Irlanda bdew javvanzaw ftit ftit, b’Sexton jiskorja drop goal li għadda fuq il-mimduda biex skorja l-gowl tar-rebħa.
Wales jiksbu rebħa dominanti
Wales fetħu l-impenji tagħhom fis-Six Nations b’rebħa dominanti ta’ 34-7 fuq l-Iskozja, f’logħba li ntlagħbet f’Cardiff. Wales kienu paċenzjużi fid-difiża u rnexxielhom jiftħu l-iskor bi try wara sitt minuti ta’ Gareth Davies, b’Leigh Halfpenny jagħmel il-conversion.
Wales komplew ikabbru l-iskor u fit-12-il minuta marru 14-0 meta f’azzjoni fuq il-lemin, Scott Williams qassam lejn Halfpenny li kellu l-ispazju biex l-istess full-back għamel il-conversion, vantaġġ li żammewh sa tmiem l-ewwel taqsima.
Wales komplew ikabbru l-vantaġġ kmieni fit-tieni taqsima meta Halfpenny skorja żewġ penalties biex kompla jkabbar il-pressjoni fuq l-Iskoċċiżi. Huma komplew jiddominaw u ħolqu diversi opportunitajiet, b’Halfpenny jirnexxielu jiskorja t-tieni try personali. Il-conversion poġġiet lil Wales 27-0 b’20 minuta għat-tmiem.
Ir-raba’ try għalihom wasal fit-72 minuta b’azzjoni maħduma fuq ix-xellug. Steff Evans wera l-kwalitajiet tiegħu meta ħarab fuq ix-xellug u niżżel il-ballun wara t-try line b’id waħda. L-Iskozja rnexxielhom jagħmlu try fit-78 minuta meta Horne ħa vantaġġ mill-ispazju f’ruck u skorja l-unika try għat-tim tiegħu. Finn Russell ikkonverta, b’Wales jirbħu finalment 34-7.
//= $special ?>