Internazzjonali

AĠĠORNAT: Sparar fit-toroq ta’ Macerata fl-Italja

Kien hemm paniku fit-toroq ta’ Maċerata fl-Italja wara li minn karozza li bdiet iddur il-belt, infetaħ in-nar fuq in-nies. Tant li s-sindku tal-belt għamel appell li sakemm tkun iċċarata s-sitwazzjoni, in-nies jibqgħu ġewwa.
B’kollox kien konfermat il-feriment ta’ sitt persuni, u jidher li fil-mira ewlenija kien hemm il-komunita` tal-immigranti tal-belt.
Il-persuna arrestata kienet identifikata bħala Luca Traini ta’ 28 sena.

Luca Traini
Meta l-karozza tiegħu sfat imblukkata mill-pulizija, hu ħareġ, dawwar il-bandiera Taljana miegħu u għamel is-salut Faxxista. Hu ma offra ebda reżistenza lill-pulizija, u ammetta dak li għamel.
Jidher li fil-każ hemm rabta mal-qtil makabru li xxokkja lill-Italja f’dawn l-aħħar ġranet. Il-qtil ta’ Pamela Mastropietro, tfajla Taljana li sfat imqatta’ biċċiet, u li l-bċejjeċ tal-katavru tagħha nstabu f’żewġ bagalji f’Maċerata. B’rabta mal-qtil, kien arrestat raġel Niġerjan li kien identifikat bħala Innocent Oseghale.