Tabib tal-familja ħareġ ordni lil familja biex “tiddisponi” minn kelba li ssemmiet Trixy, aktarx minħabba li l-kelba kienet qed twassal għal problemi mediċi lill-membri tal-istess familja.
Madankollu, meta din il-familja marret għand il-veterinarju Dr Catherine Portelli biex il-kelba titraqqad, din irrifjutat li tagħmel dan u ħadet il-kelba fil-pussess tagħha. Dan għaliex il-kelba mhix marida u hi f’saħħitha.
Il-kelba għandha 17-il sena u għalhekk se jkun diffiċli ħafna li tinstab familja oħra li lesta tilqagħha għandha. Madankollu l-kelba kienet deskritta bħala waħda kwieta li tmur tajjeb ma’ klieb u qtates oħra.
Fuq Facebook, Ethel Kawki li taħdem mill-qrib mal-annimali u kontra l-moħqrija tal-annimali, esprimiet id-dispjaċir tal-kliem “kindly dispose of animal” għaliex qalet li l-kelma tiddisponi għandha tintuża biss għall-iskart u mhux għal kreatura ħajja.



