Taljan ta’ erba’ snin ġie mfejjaq mill-lewkimja, forma ta’ kanċer, wara li sar intervent mediku b’suċċess fl-Isptar Bambino Gesù ta’ Ruma.
Dan wara li l-ispeċjalisti użaw terapija relattivament ġdida, ippruvata għall-ewwel darba fl-Istati Uniti fl-2012, fejn immodifikaw il-ġeni (genes) tat-tifel biex jirrikonoxxu ċ-ċelloli tal-kanċer u jiġġielduhom.
It-tifel b’hekk sar l-ewwel tifel li tfejjaq mill-kanċer permezz ta’ dan l-intervent mediku rivoluzzjonarju. Aħbar tajba hekk kif il-lewkimja hu l-iktar kanċer komuni fost it-tfal b’400 każ fis-sena fl-Italja.
F’dan il-każ, it-tifel diġa kien ħariġlu l-kanċer darbtejn oħra, l-ewwel wara trattament tal-kimoterapija imbagħad wara trapjant tal-mudullun. Skont siit fl-Italja, xahar wara li sarlu dan it-trattament ġenetiku, it-tifel jinsab tajjeb u ħareġ mill-isptar.
//= $special ?>