Il-Gvern Russu ħareġ twissija liċ-ċittadini tiegħu biex jaħsbuha darbtejn qabel ma jivjaġġaw barra mill-pajjiż. Dan peress li ntqal li l-Istati Uniti kienet qed tfittex l-iċken skuża biex tarresta lir-Russi li jkunu barra pajjiżhom.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu qal li r-Russi li jkunu msiefrin kienu qed jħabbtu wiċċhom ma’ theddida serja li jispiċċaw arrestati fuq talba tal-Gvern Amerikan biex imbagħad ikunu estraditi lejn l-Istati Uniti. Fl-istqarrija, il-Ministeru Russu ddeskriva l-intenzjonijiet Amerikani bħala “kaċċa” għar-Russi.
Intqal li mill-bidu tal-2017, aktar minn għaxar Russi kienu arrestati f’pajjiżi barranin fuq talba tal-Istati Uniti. Dan meta fis-sitt snin ta’ qabel kien ikun hemm medja ta’ tnejn kull sena.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu wissa wkoll li meta jkunu estradati lejn l-Istati Uniti, iċ-ċittadini Russi mhux se jkunu stmati sew mill-awtoritajiet Amerikani proprju għax Russi.
Twissija lir-Russi dwar l-ivjaġġar


