Il-President konservattiv ta’ Ċipru, Nicos Anastadiades, kien elett għal mandat ieħor ta’ ħames snin fejn, għat-tieni darba fi ftit ġimgħat, irnexxielu jegħleb lill-isfidant tax-xellug, Stavros Malas – din id-darba b’marġni sinifikanti.
Dan meta l-komunità Griega ta’ Ċipru, illum, ivvutat fit-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza u wara li l-President Anastasiades u r-rivali, Malas, kienu appellaw lill-elettorat biex joħroġ bi ħġaru u jesprimi l-għażla bil-vot tiegħu. L-ewwel round tal-proċess, intant, kien karatterizzat b’nuqqas ta’ interess partikulari.
Il-President Anastasiades, li għandu 71 sena, qed iwiegħed li jistimola t-taħditiet lejn it-tmiem tad-diviżjoni ta’ Ċipru meta din il-gżira ilha mis-snin sebgħin mifruda bejn is-settur ikkontrollat miċ-Ċiprijotti Griegi u ċ-Ċiprijotti alleati mat-Turkija.
Hu, qabel, kien appella lill-elettorat biex jafdaw ‘fl-esperjenza tiegħu’ għall-interessi tal-ekonomija lokali kif ukoll għat-tkattir tal-ftehim għal reunifikazzjoni maċ-Ċiprijotti-Torok separatisti.
Fl-ewwel round ta’ din l-elezzjoni, Stavros Malas ukoll kien kiseb anqas voti minn Anastasiades u, ftit tal-ħin ilu, hu ċempel lill-President Ċiprijott biex jammetti t-telfa.
//= $special ?>


