Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista biex ikun dejjem eqreb tal-poplu se ssir mill-iktar bażiku, il-ħidma fost il-poplu fl-ibliet u l-irħula rispettivi, qalb ir-residenti.
Wiegħed dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt id-djalogu tal-Ħadd fis-Siġġiewi fejn wiegħed li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista se tkun ibbażata fuq tliet pilastri.
Fejn hemm il-ħażin irridu neliminawh, wiegħed Adrian Delia, li stieden lir-residenti ta’ kull belt u raħal f’pajjiżna biex jitkellmu dwar dak li mhux sejjer sew.
It-tieni pilastru hu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika, politika fost l-iżgħar fost is-soċjetà, u hu għalhekk li fost il-Kelliema ġodda tal-Partit Nazzjonalista hemm ukoll min hu responsabbli minn problemi reali li ħafna drabi ma jingħatawx importanza.
Dan fid-dawl li l-House Budgetary Survey wera’ li ħafna familji mhux ilaħħqu mal-ħajja, b’Adrian Delia li jinnota kif il-Gvern ma jitkellem xejn dwar dan bħalma ma jitkellem xejn dwar dawk li m’għandhomx fejn ipoġġu rashom, mifnija minn spejjeż esaġerati tal-proprjetajiet.
Adrian Delia semma kif fl-istess waqt li l-kumpanija Vitals qed tagħmel kummerċ mill-isptarijiet lokali, 63,000 persuna qed jistennew appuntament fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.
Għamilha ċara li dan is-serq minn fuq dahar il-poplu mhux aċċettabbli għall-Partit Nazzjonalista, li se jaħdem iktar minn qatt qabel biex jikxef il-qerq.
Dan għaliex il-poplu hu l-pilastru li jrid jiffoka l-ħidma tiegħu fuqu l-Partit Nazzjonalista, b’viżjoni u determinazzjoni.
Id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista sar biss ftit sigħat wara li ġew assenjati rwoli ġodda lill-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Rwoli li Adrian Delia qal li huma xhieda li l-partit hu bbażat fuq il-prinċipji, u mhux fuq il-mexxej tiegħu biss bħalma hu l-Partit Laburista.
Xhieda ta’ dan, ir-rwoli importanti lil dak li sa ftit xhur ilu hu wkoll kien qed jikkontesta għat-tmexxija tal-partit, Chris Said, iżda li fl-aħħar sigħat ingħata tnejn mill-iktar dekasteri importanti: Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali.
Rwoli ġodda li fuq kollox huma xhieda ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista qed iħoss dak li għaddej minnu l-poplu.
//= $special ?>