“Kont, għadni u nibqa’ determinat li nibqa’ naħdem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia biex nara l-Partit Nazzjonalista rebbieħ.”
Qal dan id-Deputat Nazzjonalista Chris Said meta kien qed jitkellem waqt attività politika l-Ħadd filgħodu fis-Siġġiewi.
Chris Said irringrazzja lil kull min tah l-appoġġ meta kien wieħed mil-kontestanti għall-kariga ta Kap tal-Partit Nazzjonalista u qal li dan l-appoġġ se jwassal biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun il-partit tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.
L-għada li ingħata l-ħatra bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u għar-Riforma Kostituzzjonali, Chris Said irringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li afdah bir-responsabilità tal-Gżira Għawdxija li tant iħobb.
Chris Said tkellem dwar l-impenji tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex – fosthom li jkompli l-ġlieda li beda biex l-isptar f’Għawdex jingħata lura lill-Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex Għawdex isir gżira reġjun u se jsahħħaħ il-ħidma tiegħu biex jattira iktar investiment lejn Għawdex.
B’referenza lejn ir-riforma kostituzzjonali Chris Said tena l-impenn tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia jkun katalist biex Malta jkollha kostituzzjoni addattata għal pajjiżna.
Chris Said fakkar li l-Partit Laburista ilu jitkellem fuq din ir-riforma izda kien biss il-Kap tal-PN taht it-tmexxija ta’ Adrian Delia li ghamel l-ewwel pass lejn din ir-riforma.
//= $special ?>