Lokali

“Għadna ngħixu, nitkellmu u nżommu l-valuri tal-Qrendi u l-Maltin” – il-Professur Joseph Aquilina

Il-Professur Joseph Aquilina flimkien ma' martu

“Jien kburi li jien Malti. Bqajna ngħixu bħala Maltin u nitkellem bħal tal-Qrendi.”

Hi din il-frażi ripetuta li l-Professur Joseph Aquilina għadda lil il-mument, meta għamilna kuntatt miegħu l-għada li bintu, l-Imħallef  Rosemarie Aquilina, għamlet isem għaliha madwar id-dinja. Hi kkundannat għall-175 sena ħabs lil Larry Nassar, eks-tabib tat-tim olimpiku Amerikan tal-ġinnastika minħabba għexieren ta’ akkużi ta’ abbuż sesswali.

Jgħixu ħajja sempliċi u kburin li Maltin

“Aħna Maltin, u għalkemm għandna djar sbieħ, aħna nibqgħu umli u ngħixu b’inqas minn dak li nifilħu ngħixu biex nippruvaw ngħixu ħajja sempliċi, u mhux bħal dik Amerikana. Ngħixu l-Amerika imma ngħixu bħall-Maltin, immorru l-quddies, u nitolbu għax aħna kburin li aħna Maltin. Uliedi lkoll jafu l-istorja ta’ Malta; għandi ħafna kotba dwar Malta, u lkoll inħobbu lil pajjiżna,”  jgħidilna l-Professur Aquilina.

“Mingħajr l-etika u l-kultura li ksibt mill-Qrendi, ma kont nasal imkien,” jispjegalna l-Professur li fl-Istati Uniti ngħata wkoll unur għall-50 sena servizz fil-mediċina, bi speċjalizzazzjoni fl-uroloġija.

Mistoqsi dwar it-tifħir li qalgħet bintu, ifakkarna li Rosemarie qattgħet għoxrin sena parti mill-armata, fejn serviet ukoll fil-Kuwajt, u jirrakkonta kif hi spiss tissemma fil-gazzetti lokali għax il-każi diffiċli kollha jtuhom lilha. “Hi t-tigra, bħal ommi! Tidher Maltija, u hi Maltija ta’ vera b’gazz ta’ Maltija. Ma tibża’ minn ħadd, u hi kuraġġuża ħafna.”

Illum, il-Professur Aquilina għandu 83 sena, u qed jirkupra tajjeb wara  li sena ilu sofra minn puplesija qawwja ħafna, iżda diġà jħares ‘il quddiem li fis-sajf li ġej jirritorna lejn Malta kif  ilu jagħmel sena wara l-oħra. F’pajjiżna, il-familja Aquilina għandha diversi qraba, b’mod speċjali l-Qrendi fejn kienu jgħixu.

Jiddeskrivi l-irkupru tiegħu bħala miraklu. “Ibni kien tani santa ta’ Santa Fawstina. Malli tani l-attakk u waqajt fl-art, is-santa ġiet fuqi u baqgħet miegħi sa fuq is-sodda tal-isptar. Ma stajtx niekol, niċċaqlaq  jew nitkellem.”

Jgħid li matul ħajtu kien fortunat. “Meta kont qed niġi kkurat, kull meta niftaħ għajnejja, kont insib folla speċjalisti. “Staqsejthom għaliex, u qaluli li jdejja tad-deheb. Għandi idi x-xellugija taħdem daqs dik leminija, u hu għalekk ukoll li matul il-karriera tiegħi stajt naħdem tant tajjeb.”

Ħelisha minn ħalq il-mewt

Iżda ma’ il-mument, jiżvela li dan ma kienx l-uniku episodju fejn seta’ tilef ħajtu. Ftit wara li wasal l-Istati Uniti, kien hemm problema biex ommu tħalli Malta u tingħaqad miegħu. Mar Londra biex jitkellem mal-awtoritajet u fi triqtu lura kellu jaqbad titjira, iżda qalulu li jrid jinżel mill-ajruplan biex postu jittieħed minn kaptan. “Il-Kaptan ħa posti, seħħet traġedja u spiċċa miet.”

Tliet xhur qabel, hekk kif kien parti mill-armata Amerikana, issejjaħ allert biex ikun magħruf  kemm ikun hemm bżonn żmien biex jevakwaw minn fejn kienu għal Stuttgart,  jekk ir-Russi jinvadu l-pajjiż. “Aħna u sejrin lejn l-allert, kont qed naqra magażin u rqadt. Spiċċajt tlift l-ajruplan. Kont konfuż; ma kontx naf x’se jagħmluli, imma malli wasalt tard, kulħadd kien kuntent li qed jarawni. Skoprejt li l-ajruplan li kelli naqbad ħabat ma’ ieħor, u t-83 suldat mietu kollha.”

It-triq tal-imħabba

Wara dan l-inċident, tawh xahar leave. Jgħid li l-ħolma tiegħu dejjem kienet li jiltaqa’ mal-imħabba ta’ ħajtu fuq trejn. U hekk ġara meta ltaqa’ ma’ Johana, meta kien fuq trejn lura fi tmiem dan ix-xahar leave. “Kien hemm din it-tfajla ħelwa u bjonda miċ-Ċekoslovakkja, b’Ingliż impekkabbli. Wara l-ewwel darba li ltqajna, qatt ma ħarisna lura.”

Huma żżewġu sena wara li ltaqgħu, u ilhom miżżewwġa sittin sena. “Iżżewwiġt anġlu, li ħadet ħsieb flusi, rabbiet lil uliedi, u tellgħathom bid-dixxiplina, waqt li jien kont nieħu ħsieb il-foqra li ħadd ma ried imiss. Baqgħu jafuhuli, u spiss isemmuni,” jgħid bi kburija l-Professur Aquilina.

Fl-Istati Uniti fi żmien diskriminazzjoni razzjali

Aquilina ħalla pajjiżna għall-Istati Uniti meta kellu biss 17-il sena, u jgħid li ma kinitx faċli għalih fl-Istati Uniti fi żmien ta’ diskriminazzjoni razzjali, u fejn il-barranin kienu meqjusa bħala riskju, anke għaliex hu pjuttost samrani. “Is-somor kienu meqjusa agħar minn dawk ta’ karnaġġjon skur.”

Kien żmien diffiċli anke għaliex, ta’ bniedem bieżel li hu, xtaq ikompli l-università.

“Kont immur ix-xogħol f’nofsillejl sat-tmienja ta’ filgħodu, u fid-9.30am inkun l-università. Wara, ridt nistudja qabel nerġa’ mmur lejn ix-xogħol.”

L-istudju minn dejjem kien għal qalb Joseph, tant li meta mar l-Istati Uniti tgħallem jitkellem il-Franċiż, l-Ingliż u t-Taljan. Iktar tard, tgħallem ukoll il-Latin. Saħansitra, kien tgħallem kif jiddiżinja bombi differenti, bħal dik nukleari, tant li spiċċa arrestat għax beżgħu minn dak li kien jaf. Hu ntbagħat lejn Franza, imma ma riduhx għax kien jaf jitkellem bil-Franċiż. Għalhekk bagħtuh il-Ġermanja.

Ried jitgħallem il-Ġermaniż, imma jsofri minn forma severa ta’ diżlessja. Kien għalhekk li sab kafetterija fejn kien ipoġġi mal-istudenti, li għallmuh il-Ġermaniż, u hu għallimhom l-Ingliż. “Għaliex jien mill-Qrendi, kelli aċċent mill-aqwa bħar-residenti ta’ Hannover; aċċent mill-aqwa u naturali. Kienu jgħiduli li ħadd ma jaf jippronunzja l-Ġermaniż daqsi.”

Minbarra Rosemarie, Joseph u Johana kellhom ukoll lil Joseph li hu speċjalista mediku u direttur ta’ kumpanija ewlenija; Thomas li hu viċi president ta’ kumpanija rinomata tal-farmaċewtika, u Helen li wkoll hi imħallef.