Il-kap tas-servizzi sigrieti tal-Ġermanja qal li l-Korea ta’ Fuq komunista qed tikseb it-teknoloġija għall-programmi nukleari u tal-armi permezz tal-ambaxxata tagħha f’Berlin.
Hans-Georg Maassen qal lill-NDR TV li ħafna minn dawn l-attivitajiet ‘issa ġew ikkontrollati’ iżda hu ammetta wkoll li ma nqabdux ‘l-impenji sigrieti kollha’ min-naħa tal-Korea komunista. Il-kap tas-servizzi sigrieti tal-Ġermanja ma qalx x’tip ta’ teknoloġija nkisbet mir-reġim fi Pyongyang, iżda sostna li din kapaċi tintuża għal skopijiet ċivili u daqstant ieħor militari.
Il-Korea ta’ Fuq kompliet tiżviluppa l-missili u l-armi nukleari bi sfida diretta għas-sanzjonijiet li kienu imposti fuqha min-naħa tal-komunità internazzjonali.
L-aħħar rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, li ħareġ ftit tal-jiem ilu, qal li l-Korea ta’ Fuq, is-sena l-oħra, daħħlet l-ekwivalenti ta’ madwar 150 miljun ewro mill-esportazzjoni ta’ materjal ipprojbit. L-istess rapport qed jimplika lil diversi pajjiżi bħala ‘importaturi ta’ dak il-materjal’, fosthom iċ-Ċina, ir-Russja u l-Malasja.
Sadanittant, Hans-Georg Maassen qal li s-servizzi tiegħu ‘indunaw li l-attivitajiet għall-akkwist tat-teknoloġija kienu saru mill-ambaxxata tal-Korea komunista fil-kapitali Ġermaniża’.
Hu spjega li s-servizzi tiegħu jifhmu li ‘filwaqt li l-parts kienu għall-programm missilistiku ta’ Pyongyang, oħrajn x’aktarx li kienu għall-programm nukleari tar-reġim immexxi minn Kim Jong-un’.
//= $special ?>


