Internazzjonali

Imutu f’ħabta bejn żewġ ferroviji f’South Carolina

 

Fl-Istati Uniti ferrovija tal-Amtrak li kienet qed iġġorr 147 persuna spiċċat involuta f’inċident ma’ ferrovija oħra li kienet mgħobbija bil-merkanzija, fl-Istat ta’ South Carolina. L-awtoritajiet lokali kkonfermaw li fil-ħabta, mietu talanqas żewġ persuni.

Uffiċjali li marru fuq il-post aktar tard irreferew ukoll għal għexieren ta’ midruba, waqt li ma eskludewx li ċ-ċifra tal-vittmi tiżdied fis-sigħat li ġejjin.

Il-ferrovija tal-passiġġieri, dak il-ħin, kienet qed tivvjaġġa minn New York lejn Miami, fi Florida, b’kelliema għall-kumpannija Amtrak jgħidu li l-magna u diversi vaguni tal-ferrovija spiċċaw qabżu l-linji fil-ħin tal-ħabta mal-ferrovija l-oħra, li seħħet fil-belt ta’ Cayce, ‘il hinn minn Columbia, il-kapitali ta’ South Carolina.

Ftit wara l-inċident, ir-Red Cross Amerikana bagħtet l-iskwadri speċjalizzati għall-għajnuna fuq ix-xena, bil-passiġġieri kollha jispiċċaw evakwati mill-ferrovija. Ma kienx magħruf in-numru ta’ persuni li kienu fil-ferrovija għall-ġarr tal-merkanzija.