Raġel ta’ 43 sena minn Birkirkara sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq żiemel.
L-inċident seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa, meta l-pulizija kienu infurmati li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħhom fi Triq Dun Karm f’Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 43 sena li joqgħod Birkirkara stess, sofra xi ġrieħi wara li ż-żiemel li kien qed isuq, għal xi raġuni, sfratta u ħarab, bil-konsegwenza li r-raġel waqa’ minn fuq is-serkin.
Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-pulizija għadha qed tinvestiga.
//= $special ?>