Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Draw li jikkuntenta l-aktar lil Balzan

Stewart Said

VALLETTA……….0
BALZAN……………0

Id-distakk bejn Balzan u Valletta fil-quċċata tal-Kampjonat BOV Premier baqa’ ta’ tliet punti wara draw ta’ 0-0. Valletta kienu deċiżament l-aħjar tim fil-pitch hekk kif kienu superjuri territorjalment iżda ma rnexxielhomx isibu x-xibka, problema li qed ikollhom f’ħafna mil-logħbiet.

B’dan id-draw marru l-aħjar minnu Balzan li żammew lill-isfidanti diretti tliet punti bogħod. Il-leaders ma kinux perikolużi fil-logħba għajr azzjoni lejn it-tmiem ta’ Kaljevic, bit-tim ma jikkontrollax il-logħba kif forsi huma xtaqu.

Il-kowċ ta’ Balzan Marco Micovic għamel żewġ bidliet tattiċi mir-rebħa kontra Ħamrun. Elkin Serrano Valero beda fid-difiża flok Bruno Giglio de Oliveira filwaqt li Alex da Paixao Alves irritorna mal-ewwel ħdax u beda flok Alfred Effiong.

Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Belti Danilo Doncic għamel tliet bidliet mid-draw kontra Sliema. Juan Cruz Gill beda fid-difiża flok is-sospiż Steve Borg. Rowen Muscat u Albert Prosa bdew flok Claudio Pani u Kyrian Nwoko.

Fl-ewwel taqsima, iż-żewġ timijiet kienu magħluqin bi ftit azzjonijiet lejn iż-żewġ lasti. Valletta kienu qed ifittxu l-aktar il-gowl u kienu huma l-aktar perikolużi. L-eqreb li marru kien fl-24 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Santiago Malano li stampa mal-wieqfa.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, Valletta kellhom ċans ieħor b’Enmy Pena Beltre jitfa’ kross għan-nofs lejn Matteo Piciollo, iżda d-daqqa ta’ ras tat-Taljan ma kinitx b’saħħitha u spiċċat barra. Tmien minuti wara, free-kick ta’ Miguel Alba għadda fuq il-lasta.

Il-bidu tat-tieni taqsima baqa’ bl-istess andament. Balzan marru viċin il-gowl fid-59 minuta fl-ewwel ċans tagħhom. Kien korner ta’ de Fiori Mendes lejn Elkin Serrano Valero li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fuq ix-xibka. Minuta wara, Enmy Pena Beltre spiċċa mar viċin b’ġest akrobatiku minn barra l-kaxxa li niżel fuq il-lasta.

Valletta baqgħu jattakkaw iżda ftit perikolużi sakemm fid-79 minuta Miguel Alba ta l-illużjoni tal-gowl bi free-kick fil-baxx li iżda għadda barra. Balzan kontra x-xejra tal-logħba marru qrib darbtejn. Fl-84 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Serrano Valero għaddiet ftit barra wara korner ta’ Alves.

Minuta wara, Balzan kellhom l-aħjar ċans għalihom meta Paul Fenech ta ballun fit-tul minn free-kick mgħaġġel u Bojan Kaljevic antiċipa l-ħarġa ħażina ta’ Bonello, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.

Valletta setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-94 minuta meta Michael Mifsud ħa vantaġġ minn żball ta’ Steve Bezzina, avvanza iżda minn qagħda ideali kkonkluda barra.

Il-logħba spiċċat fuq nota morra hekk kif l-ewwel tkeċċa Milos Lepovic għal Balzan bit-tieni karta safra wara fawl fuq Rowen Muscat. Imbagħad fil-95 minuta inqala’ argument f’nofs il-grawnd bejn Bojan Kaljevic u Joseph Zerafa, biż-żewġ settijiet tal-plejers jidħlu fl-azzjoni.

Ir-referee Alan Mario Sant wera l-karta s-safra liż-żewġ plejers kif ukoll lil Uros Ljubomirac li iżda kellu karta safra, biex Balzan spiċċaw il-logħba b’disa’ plejers.

Madankollu kien għad fadal ftit ħin biex Valletta jieħdu vantaġġ mis-superjorità numerika.