Stewart Said
MOSTA……………..0
HIBERNIANS…….0
Hibernians tilfu żewġ punti importanti fit-taqtigħa biex jikkompetu fl-Ewropa staġun ieħor meta kienu frustrati fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Mosta. Logħba li Hibernians iddominaw b’għadd ta’ azzjonijiet iżda minkejja li f’ħafna mid-drabi setgħu skorjaw faċilment, naqsu li jagħmlu dan.
Johann Bezzina kellu partita tajba hekk kif serva lil sħabu b’diversi passaġġi, iżda l-attakkant Jurgen Degabriele żgur li jrid jinsa din il-logħba hekk kif falla okkażjonijiet faċli li s-soltu jkun letali fihom.
Mosta żgur li ħarġu l-aktar kuntenti hekk kif kważi qatt ma kienu perikolużi u meta d-difiża ħalliet xi spazji, l-avversarji ma ħadux vantaġġ. B’dan il-punt, Mosta issa jinsabu 11-il punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Hibernians setgħu fetħu l-iskor wara 14-il minuta f’azzjoni bejn Jurgen Degabriele u Joao Moreira, b’tal-ewwel jirċievi l-ballun iżda x-xutt mill-ewwel tiegħu kien dgħajjef.
Tliet minuti wara Giorgi Gorozia prova b’xutt fil-baxx li għadda barra.
Mosta kellhom attakk rari fis-27 minuta b’xutt angolat ta’ Leandro Ferreira li kien imdawwar f’korner minn Hogg, ballun li deher destinat għal barra. Hibernians kellhom is-superjorità territorjali iżda bdew ifallu diversi okkażjonijiet.
Fid-39 minuta għal ftit ma skorjawx inċidentalment meta Johann Bezzina daħal fil-kaxxa u krossja fil-baxx għan-nofs, il-ballun ħabat ma’ Tyrone Farrugia u spiċċa ftit bogħod mil-lasta.
Il-Pawlisti għalqu t-taqsima b’żewġ azzjonijiet, l-ewwel meta Moreira krossja mix-xellug lejn Jurgen Degabriele, iżda t-tentattiv tiegħu minn qagħda ideali għaddiet għoli. Imbagħad, Johann Bezzina kellu xutt b’saħħtu fil-baxx li għadda ftit barra.
L-andament tal-logħba fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Hibernians jibqgħu fuq l-offensiva iżda mingħajr suċċess. Johann Bezzina prova b’azzjoni personali fid-49 minuta iżda x-xutt kien ċentrali u kien salvat minn Vella.
Il-gowlkiper Mosti reġa’ kien protagonist meta dawwar f’korner xutt ta’ Clayton Failla biex fil-65 minuta, Jurgen Degabriele falla okkażjoni tajba minn qagħda tajba wara kross ta’ Bezzina.
Mosta kienu perikolużi biss fit-72 minuta, bi free-kick minn pożizzjoni angolati ta’ Thomas Veronese li spiċċa fuq ix-xibka.
Hibernians baqgħu jippruvaw isibu l-gowl importanti u fis-86 minuta kellhom ċans ieħor meta s-sostitut Oliveira Neto rċieva kross mil-lemin u prova minn pożizzjoni ċentrali iżda t-tentattiv tiegħu spiċċa barra.
Okkażjonijiet kbar fl-aħħar minuti għaċ-champions, Fit-88 minuta, Jurgen Degabriele xeħet barra f’lasta prattikament vojta wara ħarġa difettuża ta’ Andreas Vella.
Żewġ minuti wara minn azzjoni ta’ korner, daqqa ta’ ras spiċċat fid-direzzjoni ta’ Joao Moreira li b’mod inkredibbli rnexxielu jgħolli l-ballun minn metru bogħod.
//= $special ?>