Lokali

L-akbar libertà tal-ħajja hija l-ħajja nnifisha

L-azzjoni tal-abort mhux etikament koretta. Dan kien il-kliem tal-kelliema għall-5 partiti politiċi f’Malta, inkluż il-PN, permezz tal-Viċi Kap għall-ħidma fil-Parlament David Agius fejn sostna li l-akbar libertà tal-bniedem hija l-libertà tal-ħajja – id-dritt li tgħix.

“Jekk naħdmu ħafna għal-libertajiet għala mhux naħdmu għall-akbar libertà, il-libertà biex tgħix u tgawdi l-ħajja?” Dan kien il-kliem tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarjiet fil-Parlament David Agius f’attività mtella’ mill-Malta Unborn Child Movement (MUCM). Attività f’Jum il-Ħajja f’perjodu li f’pajjiżna l-ħajja fil-ġuf qed tiġi pperikolata minn xi wħud f’diskorsi favur l-abort.

F’diskors imqanqal Agius qal li meta nagħtu d-demm, ngħidu li tajna l-ħajja u aħna bl-abort din se nkunu qed neqirduha. Staqsa, il-għaliex niftaħru li neħħejna l-piena tal-mewt, meta bl-abort inkunu qed inwettqu reat ta’ mewt lejn l-innoċenti?

Huwa kompla billi qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ b’impenn kbir, biex il-ħajja tibqa’ tisseddaq, fl-istadji kollha, f’kull ċirkustanza.

Fost il-mistiedna preżenti li ma kienux politiċi kien hemm Eleonor Borg mill-Gift of Life, fejn qalet l-abort hija forma ta’ vjolenza mhux biss kontra t-tarbija iżda anke kontra l-mara. Hija qalet li fuq livell psikoloġiku l-mara tgħaddi minn trawma u użat li l-kwotazzjoni li ‘the body remembers’, il-ġisem jibqa’ jiftakar. Hi f’dan il-qasam iltaqgħet ma’ bosta ċirkustanzi ta’ nisa li damu mhux ftit biex joħorġu minn dan.

Il-Partiti politiċi f’Malta kollha għandhom linja, dik ta’ kontra l-abort u b’sodissfazzjon l-MUCM qalet li jidher li jekk il-Partiti Politiċi ma jaqblux f’ħafna affarjiet, fuq din is-sitwazzjoni jidher li hemm qbil, ilkoll kontra.

L-għemil ħażin jibqa’ ħażin, u l-bniedem għandu dritt jgħix.

Fost il-punti mqajjma uħud qalu hemm bosta ċirkustanzi li jwasslu għall-vjolenza, inkluż dik domestika, fost abbużi li qed jagħmlu ħsara lill-pudur tal-mara u kif ukoll lejn it-tarbija fil-ġuf.