Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link, Pierre Portelli, laqa’ lil Jason Micallef Chairman ta’ ONE Group sabiex iż-żewġ stazzjonijiet jiftħu djalogu fuq livell kummerċjali. Pierre Portelli għamel l-istedina, li ntlaqgħet minn Micallef, sabiex l-istazzjonijiet jiddiskutu temi kummerċjali li jinteressaw liż-żewġ naħat. “Minkejja li s-sidien taż-żewġ stazzjonijiet huma ż-żewġ partiti politiċi it-tnejn li aħna għandna sfidi kummerċjali kbar li huma ugwali,” qal Pierre Portelli.
Il-laqgħa li saret fl-uffiċċju taċ-Chairman Eżekuttiv fid-Dar Ċentrali tal-partit Nazzjonaista kienet waħda kordjali ħafna fejn iż-żewġ naħat iddiskutew kif jistgħu itejbu l-kwalità tal-programmi Maltin fuq l-istazzjonijiet rispettivi minkejja li hu ferm diffiċli tlaħħaq mal-ispejjeż ta’ produzzjoni fit-televiżjoni. L-istazzjonijiet politiċi jsibu ruħhom żvantaġġjati ħdejn l-istazzjon ta’ l-istat il-PBS li minbarra l-għajnuna diretta mill-gvern jieħu wkoll l-akbar ammont ta’ reklamar fis-suq. Dan minkejja li l-istazzjonijiet politiċi jxandru wkoll avvenimenti nazzionali li għalihom ma jieħdu l-ebda għajnuna mill-istat.
Min-naħa tiegħu Jason Micallef, li kien akkumpanjat mill-kap ta’ l-istazzjon Ruth Vella, fisser kif iż-żewġ stazzjonijiet għandhom jikkoperaw biex isibu l-mezzi kif itejbu l-kwalita għall-udjenzi rispettivi tagħhom. Iż-żewġ naħat qablu li se jżommu djalogu miftuħ fuq dak li hu komuni għat-tnejn waqt li jirrispettaw il-linja editorjali rispettiva tagħhom.
//= $special ?>