Lokali

Applikazzjoni għal mafkar permanenti għal Daphne Caruana Galizia – Jason Micallef jopponi

In-Network tas-Soċjetà Ċivili jappella lill-Kunsill Lokali tal-Belt jirrikonoxxi l-mafkar ta’ DaphneCaruanaGalizia

Uħud mill-Kunsilliera Laburisti tal-Belt Valletta se jkunu qed iressqu mozzjoni li se tkun qed tipproponi li jitneħħa il-mafkar iddedikat lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

In-Netwerk ma jaqbilx u jopponi dil-mozzjoni u kif qed tiġi indirizzata s-sitwazzjoni. Il-mafkar twaqqaf min-nies għan-nies u qiegħed hemm biex iffakkar lill-pubbliku dwar l-assassinju brutali tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

In-Netwerk qiegħed fil-proċess li japplika formalment biex jitwaqqaf mafkar għal Caruana Galizia f’din il-pjazza biex b’hekk isellem l-memorja tal-ġurnalista, ifakkar xogħolha u jkun simbolu li l-poplu għadu qed jistenna ġustizzja.

Il-mafkar il-ġdid se jkun ‘crowdfunded’ biex b’hekk jibqa’ tan-nies u għan-nies.

Jason Micallef jopponi

Sadanittant, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef ħabbar li se jopponi dawn il-pjani għal mafkar permanenti f’ġieh il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’post fuq Facebook, Jason Micallef qal li se jopponi dawn il-pjani, kemm bħala Chairman ta’ V18 kif ukoll “fuq bażi personali” dak li sejjaħlu bħala “disprezz lejn monumenti storiċi” bħal dak tal-Assedju l-Kbir.”

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista qal li dak li hu propost mhux aċċettabbli “għal elf raġuni” u ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jużaw is-sens komun. Qal ukoll li wasal iż-żmien li Din l-Art Ħelwa titkellem hi wkoll “għax ilha żżejjed siekta” fuq dan il-każ.