Internazzjonali

Erdoğan f’laqgħa mal-Papa

Il-President Tork Tayyip Erdoğan, kellu laqgħa fil-Vatikan mal-Papa Franġisku. Din ta’ Erdoğan hi l-ewwel żjara minn kap tal-Istat Tork fil-Vatikan f’dawn l-aħħar 59 sena. Imma din hi t-tieni darba li Erdoğan u l-Papa Franġisku qed jiltaqgħu.

Iż-żewġ mexxejja ltaqgħu f’Novembru tal-2014 meta l-Papa kien mar it-Turkija. Minkejja li fil-passat iż-żewġ mexxejja ma qablux fuq ħafna affarijiet, f’din il-laqgħa, it-tnejn qablu dwar il-kwistjoni ta’ Ġerusalemm u esprimew id-diżaprovazzjoni tagħhom għall-pożizzjoni tal-Istati Uniti li tat għarfien lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana.
Il-viżta lill-Papa hi parti minn żjara li Erdoğan qed jagħmel fl-Italja u li kienet ikkritikata ħafna minn gruppi tal-Kurdi u dawk estremisti tal-lemin. Għal din iż-żjara tħejjew arranġamenti speċjali għas-si-gurtà u kienu allokati 3,500 membru tal-forzi tas-sigurtà, apparti li għal żmien ta’ 24 siegħa, f’Ruma kien ipprojbit li jsiru dimostrazzjonijiet. Biss, xorta waħda kien hemm il-protesti u d-dimostrazzjonijiet, u f’xi wħud minnhom inqalgħet anki l-vjolenza.
Wara l-laqgħa fil-Vatikan, Erdoğan kellu laqgħat mal-President Taljan Sergio Mattarella kif ukoll mal-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni.