F’Ħad-Dingli, traffic lights li din id-darba ma ġewx installati minn Transport Malta u li għall-kuntrarju tal-oħrajn kapaċi jiċċaqilqu u jimxu, jidher li ħadmu kif suppost.
Dan hekk kif żagħżugħ minn Ħad-Dingli, Lee Camilleri, għażel li jilbes kostum tal-karnival innovattiv f’forma ta’ traffic lights li jaqleb il-kuluri daqslikieku ta’ vera. U jidher li l-esperiment ħadem sew għaliex is-sewwieqa li nzertaw għaddejjin mill-post obdew ir-regoli u rrispondew tajjeb.
L-esperiment seħħ waqt li huma kienu qed jiċċelebraw fil-każin tal-Partit Nazzjonalista, fejn jidher li ma ħelsitiex lanqas Doreen, popolari ferm ma’ dawk kollha li jżuru dan ir-raħal, li sservi fil-bar tal-istess każin u maħbuba sew miż-żgħażagħ u l-klijenti tagħha. Ma setax jonqos li allura jlibbsuha kostum ta’ Wonder Woman.
Insomma, kuntrarju għal dak li nisimgħu ta’ spiss, jidher li dawn iż-żgħażagħ li lbieraħ kienu qed jiċċelebraw għeluq snin waħda minnhom fil-każin ta’ Ħad-Dingli taw risposta li jafu jieħdu gost u jiċċajtaw mingħajr ma jagħmlu ħsara lil ħadd.


