Lokali Mużika

FILMAT – ‘Taboo’: Kanzunetta b’messaġġ ta’ tama

Il-messaġġ tal-kanzunetta għandu jkun wieħed li jneħħi tassew it-taboo, il-mod kif iħarsu n-nies lejn nies b’kundizzjonijiet mentali.

Dawn kienu l-kummenti ta’ Christabelle dwar il-kanzunetta tagħha li stqarret magħna wkoll li għalkemm għaddew jumejn minn mindu rebħet il-Malta Eurovision Song Contest hija għadha lanqas trid temmen ir-riżultat. Christabelle li kantat fit-tlettax-il post kisbet il-voti kollha tal-ġurija, u kif ukoll il-voti popolari jiġifieri t-televoting.

Staqsejna wkoll lil Christabelle dwar ir-rispons tajjeb mill-pubbliku għall-kanzunetta tagħha, iżda wkoll għal xi kummenti oħra li kien hemm fuq dan. Hija qaltilna li l-kritika kemm posittiva u kif ukoll dik negattiva dejjem tapprezzaha u tara kif minnha tipprova dejjem tieħu dak kollu possibli biex ir-riżultat finali jkompli jitjieb.

Christabelle għalqet billi rringrazzjat lil kull min wera fiduċja fiha, inkluż il-poplu Malti kollu.

Il-kanzunetta rebbieħa, Taboo issa se tirrappreżenta lil Malta fit-63 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fil-kapitali Portugiża Lisbona.