Lokali

FILMATI ĠODDA juru l-kelb sekondi qabel jaħtaf wiċċ impjegata

Il-Pulizija qed tipprova tasal għall-identifikazzjoni ta' raġel li daħa lf'ħanut bil-kelb tiegħu, li għal xi raġuni ħataf lil impjegata minn wiċċha.

Filmat ġdid li akkwista Net News juri x-xena sekondi qabel kelb  ħataf mara minn wiċċha waqt li sidu kien qed jixtri minn ħanut fil-Gżira.

Il-Pulizija għadha ma identifikatx lil dan ir-raġel, li jidher f’numru ta’ filmati tal-kameras tas-sigurtà fil-pussess tagħha, kemm mill-ħanut fi Triq il-Gżira  li juru wkoll l-attakk, kif ukoll fuq barra.

Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tad-21.30 meta l-impjegata kienet għarkuptejha mal-art iddaħħal xi affarijiet fi friġġ ta’ ħanut li jinsab fil-Gżira. F’mument minnhom jgħaddi minn ħdejha r-raġel bit-tfajla li għandha 22 sena u xi klijenti oħra jieqfu jammiraw lill-kelb waqt li t-tfajla tibda tmellsu.

Kien hawn li l-kelb tat-tip ‘mastiff cross-breed’ u ta’ kulur kannella ċar għal xi raġuni għamel għall-mara, u ħatafha minn wiċċha u xuftejha. Iżda bħallikieku qatt ma ġara xejn, ir-raġel telaq mill-ħanut wara li saqsiha kif inhi u minkejja li wiċċha kien mimli demm.

It-tfajla kellha tingħata assistenza medika u ġiet operata biex isirulha numru ta’ punti. FIs-sigħat li ġejjin mistenni jsirilha intervent mediku ieħor.

Dwar dan il-każ sar rapport liill-Pulizija fl-għassa tal-Imsida. S’issa mhux magħruf min hu sid dan il-kelb. Min jagħrfu qed jintalab jgħaddi kull informazzjoni utli lill-Pulizija jew lil dan is-sit, anke jekk b’mod kunfidenzjali.