Żewġ plejers tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Kyle Cesare u Emmanuel Briffa, instabu ħatja ta’ korruzzjoni wara li l-Qorti tal-Appell bidlet sentenza preċedenti li biha kienu ħarġu liberati.
Cesare u Briffa kienu iriġinarjament tressqu l-Qorti akkużati li ppruvaw jimmanipulaw ir-riżultat ta’ żewġ partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2017.
Malta kienet lagħbet kontra l-Montenegro fit-23 ta’ Marzu tal-2016 filwaqt li sitt ijiem wara lagħbet kontra r-Repubblika Ċeka.
Iż-żewġ plejers kienu nħelsu mill-akkużi f’Awwissu li għadda. Dakinhar il-Maġistrat innotat kif iż-żewġ żgħażagħ kienu vittmi, kif ukoll li kienu mmaturi. Il-Qorti kienet ħelsithom minn responsabbilta’ kriminali hekk kif huma ġabu ruħhom b’dan il-mod għax kienu taħt pressjoni kbira li ma setgħux jirreżistu.
Iżda l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti kkonkludiet li ma kien hemm ebda evidenza li tappoġġja din il-konklużjoni mill-ewwel Qorti.
Il-Qorti ma setgħetx tifhem kif il-Qorti tal-Maġistrati waslet għal din il-konklużjoni hekk kif kien hemm biżżejjed evidenza biex turi l-involviment taż-żewġ żgħażagħ.
Fis-sentenza tagħha, il-qorti tal-appell laqgħet ir-rikors tal-Avukat Ġenerali, iżda wkoll illiberat lil Cesare u Briffa, bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien sentejn.
Ta’ min jiftakar li xahar ilu l-istess Kyle Cesare u Emmanuel Briffa, ġew sospiżi għal għomorhom mill-UEFA.
Fil-każ kien hemm erba’ plejers oħra li ngħataw sospensjoni mill-UEFA. Samir Arab ġie sospiż għal sentejn, Ryan Camenzuli għal sena u sitt xhur, Llywelyn Cremona għal sena u Luke Montebello għal sena.
Arab u Camenzuli ngħataw din is-sospensjoni ta’ sentejn għaliex instabu ħatja li ma nfurmawx lill-UEFA meta ġew avviċinati bl-istess skop. Minbarra s-sospensjoni Ryan Camenzuli, Llywelyn Cremona u Luke Montebello ġew ordnati wkoll jagħmlu xogħol ta’ servizz fil-komunita’ tal-futbol.
Mis-seba’ plejers investigati kien biss il-gowlkiper Matthew Calleja Cremona li ġie meħlus mill-akkużi kollha u b’hekk ma ntsabx ħati.
//= $special ?>