Futbol Sport

FUTBOL – Shilton qed jikkunsidra jiltaqa’ ma’ Maradona

Maradona (xellug) stieden lil Shilton (lemin) biex jiltaqgħu, aktar minn 30 sena wara li l-plejer Arġentin qarraq bl-istess Shilton u skurjalu b’idu

L-eksgowlkiper nazzjonali tal-Ingilterra Peter Shilton qed jikkunsidra jiltaqa’ mal-eksplejer li kien skurjalu b’idu, jiġifieri mal-eks captain leġġendarju tal-Arġentina, Diego Maradona.

L-Ingilterra kienet sfat eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-1986 b’telfa ta’ 2-1 kontra l-Arġentina.

Maradona qarraq b’Shilton u qabbeż il-ballun minn fuqu billi mbotta l-ballun b’idu. Dan il-gowl baqa’ magħruf sal-lum-il ġurnata, bħal ma baqa’ magħruf it-tieni gowl li skurja l-istess Maradona hekk kif qabeż numru ta’ plejers qabel ma għeleb lil Shilton. Ħafna jikkunsidraw dan il-gowl bħala l-“gowl tas-seklu”.

Dan l-aħħar sar magħruf li Maradona se jkun l-Ingilterra u dan stieden lil Shilton biex it-tnejn li huma jiltaqgħu. Minn naħa tiegħu l-eksgowlkiper, f’kummenti li ta f’intervista lil ġurnal Ingliż qal li jekk Maradona jiskuża ruħu dan lest jikkunsidra li jiltaqa’ għall-ewwel darba miegħu sa minn meta ntlagħbet il-partita aktar minn 30 sena ilu.

“Parti minni qed tgħidli li wasal iż-żmien li ninsa dak li ġara u parti oħra għadha rrabjata għal dak li seħħ. Li hu żgur hu li biex naċċetta l-ewwel Maradona jrid jitlob skuża għal dak li għamel,” qal Shilton.
Ta’ min jiftakar li fil-passat riċenti, Shilton irrifjuta darbtejn li jiltaqa’ mal-eksplejer tal-Arġentina.