Lokali Parlament

Jeħtieġ politika nazzjonali dwar l-uġigħ

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg appellat biex il-gvern jiltaqa’ mal-għaqdiet volontarji u titfassal politika u strateġija nazzjonali sal-2020 dwar l-uġigħ fejn l-użu ta-kannabis mediċinali tista’ tkun parti minnha.

Fil-parlament Claudette Buttigieg trattat l-uġigħ u qalet li raġuni pirnċipali wara din il-liġi hi propju l-uġigħ. L-introduzzjoni ta’ din il-liġi għandha tkun parti integrali mill-politika nazzjonali dwar l-uġigħ. Minkejja li din mhix bakketta maġika, l-użu tal-kannabis jista’ jnaqqas l-uġigħ tal-pazjenti. Din hi tama għal ħafna nies.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li din id-diskussjoni mhix dwar tipjip ta’ droga iżda użu ta’ żjut u spray li jittieħdu wara li l-werqa tal-kannabis tkun proċessata. Hi tkellmet dwar il-volontrajat lil diversi għaqdiet volontarji u qalet li dawn għandhom proposti li jeħtieġ ikunu kkunsidrati fil-kuntest tat-tnaqqis tal-uġigħ kroniku. Għandu jkun hemm ukoll kampanja nazzjonali ta’ prevenzjoni dwar l-uġigħ, li jiswa ħafna flus lill-pajjiż.