Lokali

L-argument li l-mara tiddeċiedi fuq ġisimha dwar l-abort m’għandux jitwarrab – Alfred Sant

L-eks Mexxej u Membru Ewro-Parlamentari f’isem il-Partit Laburista Alfred Sant qed jinsisti li l-argument li l-mara għandha dritt tiddeċiedi fuq ġisimha f’każ ta’ abort m’għandux jitwarrab.

F’artiklu miktub fi newsletter, Alfred Sant innota kif is-suġġett tal-abort reġa qam fl-aħħar jiem possibilment minħabba r-referendum li se jkun qed isir fl-Irlanda.

Sant qal li l-argument  li l-mara għandha d-dritt tiddeċiedi fuq ġisimha isir minn ftit imma għandu jingħata l-attenzjoni. Min-naħa l-oħra f’pajjiżna għad hawn maġġoranza kbira li hi kontra l-abort.

Sant qal li hu jinsab f’sitwazzjoni kurjuża hekk kif qed jagħmel nofs ġimgħa f’Malta, pajjiż dominat minn pożizzjoni kontra l-abort u l-bqija tal-ġimgħa qed iqattagħha f’soċjetà li hi b’opinjoni b’saħħita u b’mod naturali taħseb li l-abort hu dritt fundamentali tal-mara.