Professjonisti mediċi li jaħdmu fl-Isptar Monte Karmeli jistgħu jgħodduha b’waħda meta pazjent sar agressiv u ħebb għalihom. Hu saħansitra faqa’ bieb ta’ uffiċċju b’tant saħħa li kisser ukoll biċċiet mill-ħajt.
Fortunatament il-professjonalità u l-ħila tal-professjonisti mediċi wasslet biex il-pazjent ikkalmawh huma stess mingħajr konsegwenzi la fuqhom u lanqas fuq is-saħħa tal-pazjent stess.
Dan il-każ isegwi dak ta’ ftit jiem ilu fejn pazjent ieħor qala’ tieqa ta’ kamra tal-banju u ħarab mill-isptar. Sfortunatament, wara jumejn ta’ tfittxija, iż-żagħżugħ instab mejjet.
Persuni li tkellmu magħna fl-aħħar jiem esprimew dispjaċir għas-sitwazzjoni f’dan l-isptar. Mhux biss partijiet mill-isptar jinsabu f’qagħda gravi, iżda dan l-isptar għandu nuqqasijiet serji ta’ sigurtà tant li fis-swali, fejn jgħixu u jingħataw il-kura dawn il-pazjenti, lanqas biss isib uffiċjali tas-sigurtà l-ħin kollu.
F’dan l-isptar lanqas biss hemm uffiċjali tas-sigurtà biżżejjed biex ikun hemm uffiċjal f’kull sala, minkejja l-vulnerabbiltà ta’ dawn il-pazjenti. Fl-agressjoni tal-lum, kellhom ikunu l-professjonisti mediċi li jikkontrollaw lill-pazjent għaliex ma laħaq wasal ħadd mill-istaff tas-sigurtà.
//= $special ?>

