Knisja Lokali

Maħtura żewġ Arċiprieti u Kappillan ġodda

L-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna, fil-jiem li għaddew, ħatar żewġ Arċiprieti u Kappillan f’Parroċċi differenti.

Dun Mark Mallia Pawley inħatar Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli. Hu kien ġie ordnat Saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2016 u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli stess bħala Viċi Arċipriet.

Dun Charles Cini nħatar Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Publju fil-Furjana. Hu kien ġie ordnat Saċerdot fit-28 ta’ Lulju 2002 u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Sena wara, hu beda jservi bħala Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ u fl-2006 kien Kappillan fid-Djoċesi ta’ Savona fl-Italja għal erba’ snin. Meta ġie lura Malta, Dun Charles serva bħala Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa u s-sena li għaddiet inħatar ukoll bħala Assistent Direttur ta’ Dar l-Emigrant.

Dun Simon Sciberras inħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġużepp fl-Imsida. Hu kien ordnat Saċerdot fit-2 ta’ Lulju 1999 u beda l-ħidma pastorali tiegħu fl-Imsida stess. Fl-2013, hu nħatar Rettur tal-Knisja tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien.