Lokali

Sewwieq ta’ mutur isofri feriti gravi wara li ntlaqat minn karozza

Raġel ta’ 38 sena miż-Żurrieq sofra feriti gravi wara li l-mutur li kien qed isuq intlaqat minn karozza f’Ħal Tarxien.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.10am fi Triq San Anard, fejn ir-raġel kien qed isuq il-mutur tat-tip Piaggio, li ntlaqat minn karozza tat-tip Nissan Qashqai misjuqa minn żagħżugħ ta’ 28 sena miż-Żejtun.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ ukoll tim mediku, li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel. Minn hemm, hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi. Iż-żagħżugħ ma sofra l-ebda feriti.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.